Iċ-ċentru xjentifiku interattiv, l-Esplora, nieda d-disa’ edizzjoni tal-programm ta’ attivitajiet, magħmul minn bosta attivitajiet interattivi marbutin max-xjenza, it-teknoloġija u s-suġġetti STEM, għas-sena skolastika l-ġdida.
Il-programm, li hu mqassam skont l-etajiet kollha tat-tfal, jikkonsisti minn seba’ spettakli ta’ xjenza interattiva, 23 workshop, 17-il esperjenza pjanetarja u anke żewġ workshops għall-edukaturi.
Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li jispiraw u jiddevertu lit-tfal biex ikomplu jistudjaw f’dawn l-oqsma.
ONE News tkellem ma’ Des Cini, il-Content Development Manager fi ħdan l-Esplora, li spjega aktar dwar x’jikkonsisti fih dan il-programm.
“Fih hemm ammont sostanzjali ta’ attivitajiet li l-edukaturi jistgħu jiġu l-Esplora, jesperjenzaw b’mod hands-on. Hemm taħlita ta’ shows interattivi, hands-on workshops, għandna puppet shows u ukoll għandna storytelling workshops li huma addattati għal kull età mill-Kindergarten u jibqgħu telgħin sal-Year 11 li qabel konna nqisuh bħala Form 5 u anke hemm workshops li jistgħu jibbukkjaw għall-edukaturi stess.”
Des Cini – Content Development Manager
Tkellimna wkoll mas-Segretarju Parlmentari għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, ir-Riżorsi u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, li tenna dwar l-importanza ta’ dan il-programm għall-interess tat-tfal biex jaħdmu fil-qasam tas-STEM.
“Nafu fuq l-importanza ta’ dawn is-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u, permezz ta’ dan il-programm, hawnhekk fl-Esplora, irridu nikkumplimentaw dak li jsir fil-klassijiet tagħna.”
Keith Azzopardi Tanti – Segretarju Parlamentari
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru responsabbli Clifton Grima li stqarr li dan il-programm se jwettaq l-edukazzjoni meħtieġ u ta’ kwalità lit-tfal u li, b’hekk, jagħti għodod ġodda biex juri l-potenzjal tagħhom f’dan il-qasam.
Hu rringrazzja lil kulħadd li ta sehemu, mhux biss bħala l-Ministru responsabbli mis-settur, iżda wkoll bħala missier u talab biex ngħinu lit-tfal isibu l-interessi tagħhom u jitqajjem l-entużjażmu tagħhom b’attivitajiet simili.
Il-Kap tal-Esplora, Olaf McKay, saħaq dwar l-importanza li x-xjenza tkun aċċessibbli u relevanti għall-istudenti permezz ta’ dan il-programm kif ukoll jagħti appoġġ lill-edukattivi b’riżorsi hands-on.