Ir-rata tad-defiċit f’pajjiżna mistennija tinżel aktar milli kien imbassar.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, fit-tnedija tad-dokument tal-Gvern għal qabel il-baġit.
Hu qal li, għal din is-sena, kien maħsub li d-defiċit jinżel 4.4%, iżda fil-verità se jinżel iżjed – għal 4%. Din tkompli max-xejra li ħa pajjiżna fl-aħħar snin, fejn minkejja l-għajnuniet qawwija fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, id-defiċit naqas u qed ikompli jonqos.
Il-Ministru Caruana spjega li l-Gvern għandu pjan ċar mal-Unjoni Ewropea biex inaqqas id-defiċit. Dan hekk kif wara li l-Unjoni Ewropea daħħlet regoli aktar riġorużi, Malta tpoġġiet taħt il-proċedura tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv.
“F’dak li għandu x’jaqsam id-defiċit ħa nkunu qed nirrispettaw bl-aktar mod sħiħ ir-regoli maqbulin bejn il-Ministri tal-Finanzi, proprju f’Jannar li għadda. Nista’ ngħid li, minkejja li l-miri għad-defiċit din is-sena kienu ta’ 4.4%, se jkollna riżultat aħjar, għax ħa nkunu qed nilħqu l-mira ta’ 4%. Dak ifisser titjib, filwaqt li għas-sena d-dieħla se nkomplu naraw li d-defiċit ikompli jonqos b’rispett sħiħ lejn ir-regoli u, għaldaqstant, is-sena d-dieħla nistennew defiċit ta’ 3.5%.”
Il-Ministru għall-Finanzi kompla li l-pjan fiskali tal-Unjoni Ewropea ġie aktar riġoruż, b’pajjiżna jagħżel li d-defiċit ikun taħt il-1.5% sal-2030. Il-pjan magħżul fuq erba’ snin mistenni jdum inqas minn hekk ukoll, għax f’sentejn biss pajjiżna se jilħaq il-mira ta’ 3%.
“Ir-regoli jistipulaw li waħda mill-options li hemm biex Gvern joħroġ mill-excessive deficit procedure hi dik li jagħżel bejn erba’ snin jew seba’ snin, imma t-tibdiliet li tagħmel trid tagħmilhom bi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea. Aħna ħa mmorru għal pjan ta’ erba’ snin, imma lanqas se jkollna bżonn erba’ snin biex noħorġu mill-excessive deficit procedure. Pjuttost qed naraw li jkollna nofs iż-żmien biex inkunu nistgħu nagħmlu dan, hekk kif wara s-sena 2026 ikollna defiċit ta’ inqas minn 3%.”
Caruana semma li d-defiċit qed jonqos ukoll hekk kif id-Dipartiment tat-Taxxa, din is-sena, mistenni jdaħħal €200 miljun aktar mit-tassazzjoni li tinġabar minn dak li hu dovut lill-Istat, u mhux direttament marbut mat-tkabbir ekonomiku.
Fl-istess konferenza, il-Ministru wkoll semma kif, fiż-żmien li ġej, ir-rata tad-dejn se tibqa’ taħt il-ħamsin fil-mija meta jitqabbel mal-Prodott Gross Domestiku u dan hu ferm inqas mis-sittin fil-mija, li hu stipulat mill-Unjoni Ewropea.