“Ħadd mhu se jgħinek.” Dan allegatament intqal minn Harona Conateh, raġel mill-Gambja ta’ 32 sena, li jinsab akkużat fil-Qorti li stupra tliet nisa li jaħdmu fi ħwienet differenti tal-massaġġi bejn Ġunju u Lulju ta’ din is-sena.
Fix-xhieda tagħha fit-tkomplija tal-każ l-Erbgħa, waħda min-nisa spjegat li, lejn il-bidu ta’ Lulju, Conateh kien mar fis-salon tagħha fejn staqsa kemm kien jiswa servizz ta’ massage. Waqt li weġbitu li l-prezz kien ta’ ħamsa u tletin ewro, Conateh allegatament staqsiha jekk dan jinkludix ukoll attività sesswali. Minkejja dan, il-mara wieġbet minnufih li hi massaġġi biss tagħmel.
Ir-raġel qabel ma’ dan, ħa business card u telaq ’il barra, anke minħabba li l-mara kienet qed tistenna klijent ieħor.
Hi kompliet tixhed li hu xorta reġa’ lura għaxar minuti wara fejn ordnalha tagħmillu massage.
Il-mara rrifjutat u kien hawn li r-raġel għalaq il-bieb ta’ barra, ġibed lil mara f’waħda mill-kmamar tas-salon, neħħilha n-nuċċali u ġibidha minn idejha.
Hi qalet li pprovat twaqqfu, iżda kien kollu għalxejn, fejn saħansitra bdiet tgħajjat għall-għajnuna, bir-raġel b’ton qawwi jgħidilha li ħadd ma jista’ jgħinha.
Din kienet it-tielet mara li xehdet fil-każ.