Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Ministeru għall Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali reġa’ nieda skema finanzjarja marbuta mal-World Cleanup Day.
Sitta u erbgħin kunsill lokali jew reġjonali, li applikaw għall-iskema, se jibbenefikaw minn fond ta’ madwar €65,000. Dawn il-fondi se jintużaw għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tindif u ġbir ta’ skart fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom, bl-attivitajiet qed jiġu organizzati matul dan ix-xahar.
Il-World Cleanup Day, li tiġi ċċelebrata kull sena u din is-sena se taħbat nhar il-Ġimgħa li ġej, tgħaqqad miljuni ta’ voluntieri, gvernijiet u organizzazzjonijiet biex tiġġieled il-tal-iskart u tħeġġeġ għal ambjent nadif u ekoloġiku.
Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf Mckay, fost dawk li qed jibbenefikaw mill-iskema, esprima l-gratitudni tiegħu lejn inizjattivi simili u qal li, permezz tagħhom, ser jkollna kapitali aktar nadifa għar-residenti tagħha u għal dawk kollha li jżuruha.
“Għax skemi u inizjattivi bħal dawn ikomplu jgħinuna nżommu l-lokalità aktar nadifa. Hu dan li jixtiequ r-residenti, hu dan li tixtieq il-komunità fejn jaraw il-Belt kapitali tagħhom aktar nadifa biex il-komunità tkun tista’ sservi aktar lir-residenti u lin-nies li jiġu tant iżuruna hawnhekk fil-Belt Valletta.”
Il-Ministru responsabbli Owen Bonnici qal li proprju f’din il-ġurnata l-Gvern qed jagħti l-għajnuna finanzjarja lill-kunsilli tagħna biex, permezz ta’ attivitajiet, tkun tista’ tinżamm l-indafa fil-lokalitajiet tagħna.
Hu enfasizza kemm il-Gvern jemmen u jagħti importanza lill-kunsilli lokali.
“Fil-ġurnata dinjija għall-indafa, aħna qegħdin nagħtu għajnuna finanzjarja lil diversi kunsilli lokali biex ikunu jistgħu jagħmlu attivitajiet apposta, biex jippromwovu l-bżonn tal-indafa fil-lokalitajiet rispettivi. Aħna nemmnu fil-kunsilli lokali tagħna u f’dan ir-rwol importanti li huma jaqdu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, irringrazzjat lill-kunsilli lokali kollha li se jkunu qegħdin jibbenefikaw mill-iskema biex b’hekk ikollna ambjent aktar nadif.
“Għaldaqstant nirringrazzja lil dawk il-kunsilli lokali kollha li se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema u grazzi talli ħolqu dawn il-proġetti biex verament ikollna hemm barra aktar nadif.”