‘Fuq il-Festa’, ċelebrazzjoni unika tal-festi Maltin li għadhom kemm ġew rikonoxxuti bħala parti mill-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
Attività, li se tkun qed ssir fid-19 ta’ Ottubru li ġej fi Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta, se tara ġurnata ta’ ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ, bis-sehem ta’ mijiet ta’ mużiċisti, li se jingħaqdu flimkien biex joħolqu l-akbar banda li qatt ra pajjiżna, waqt li jdoqqu l-aktar marċi popolari tal-festa Maltija.
Dakinhar ukoll, se jkun qed jitnieda marċ ġdid ta’ Ray Sciberras.
Din iċ-ċelebrazzjoni tal-kultura tal-festi u d-dettalji relatati tniedew mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fit-Teatru Manoel.
L-attività se tibda b’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, waqt li se jkun hemm ukoll workshops interattivi għat-tfal u l-familji, inklużi snajja’ tradizzjonali dwar kif isiru l-liedna, il-fistuni u l-pavaljuni, flimkien ma’ dimostrazzjoni speċjali ta’ kif isir il-qubbajd.
La qed nitkellmu fuq il-festa Maltija, ma jonqosx ukoll li jkun hemm spettaklu uniku ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mad-daqq tal-Innu Malti.
Il-Ministru Bonnici enfasizza l-importanza tar-rikonoxximent tal-UNESCO u r-responsabbiltà li dan iġib miegħu, waqt li spjega wkoll il-pjani tal-Gvern għall-futur tal-festi tradizzjonali, inklużi inizjattivi biex ikomplu jikbru, inkluż fuq livell internazzjonali.
“Tkellimna dwar il-festa Maltija, fejn kellna wkoll diskussjoni ta’ xi rridu nagħmlu aħjar biex insaħħu l-festi Maltin, biex meta nħarsu lejn il-futur, inħallu lil uliedna u lil ulied uliedna legat b’saħħtu fejn jidħol dan l-aspett importanti ta’ tradizzjonijiet Maltin. ”
Wara li ngħataw id-dettalji dwar din il-festa kbira, il-konferenza kompliet b’panel ta’ diskussjoni, immexxi mill-ġurnalist Reno Bugeja.
Hawn ġiet ittrattata l-evoluzzjoni tal-festi fiż-żminijiet moderni u kif jistgħu jkomplu jevolvu, waqt li jibqgħu leali għall-għeruq tagħhom.
Is-suġġetti inkludew il-bilanċ bejn it-tradizzjoni u l-innovazzjoni, l-importanza li tiġi ppriservata l-identità kulturali tal-festi u kif ir-rikonoxximent tal-UNESCO jpoġġi responsabbiltà fuq Malta biex tissalvagwardja dan l-aspett uniku tal-wirt tagħha.