Il-wirja Fare Convito: The Archaeology of Banqueting in Hospitaller Malta (16th to 18th century) issa qed tittella’ fil-Palazz talInkwiżitur fil-Birgu. Il-wirja tesplora kif l-ikel, l-arti u l-politika twaħħdu flimkien fir-ritwal tal-pranzu Barokk f’Malta.
Għażla ta’ reċipjenti tal-maiolica u tal-porċellana l-ġmiel tagħhom, li kienu jintużaw kemm bħala tiżjin kif ukoll biex jisserva l-ikel waqt pranzijiet formali f’Malta ta’ żmien il-Kavallieri, jieħdu lil dawk li jħarsu lejhom fi żmien ieħor, definit mill-ġerarkija, il-poter u l-opulenza għal minoranza żgħira ħafna.
L-oġġetti kollha esebiti f’din il-wirja nstabu waqt investigazzjonijiet arkeoloġiċi f’Malta, jew kienu kkonservati f’kollezzjonijiet ta’ mużewijiet lokali, u ħafna minnhom qed jiġu esebiti pubblikament għall-ewwel darba f’din il-wirja.
Wara li s-sena l-oħra ttellgħet għall-ewwel darba fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, Fare Convito ġarret għall-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, li kien għażla ovvja għar-rilokazzjoni tagħha.
Din il-wirja hija pass ieħor fl-impenn ta’ Heritage Malta biex tixpruna l-istudju u l-apprezzament tal-gastronomija storika. Il-wirja hija r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn mużewijiet ta’ Heritage Malta.
Id-dħul għall-wirja huwa inkluż fil-prezz normali tad-dħul għall-Palazz tal-Inkwiżitur, biex b’hekk tiżdied attrazzjoni oħra għall-pubbliku fl-esperjenza tal-palazz.