Spazju mitluq f’Ħaż-Żebbuġ se jinbidel f’wieħed miftuħ u sigur għall-familji, it-tfal u ż-żgħażagħ, b’xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Il-post ġdid, li se jingħata l-isem ta’ ‘Ġnien l-Indipendenza’, se jara l-ħolqien ta’ spazji għal attivitajiet komunitarji, fosthom għall-pikniks u basketball court.
Waqt li żar il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, spjega dak li qabel ma seta’ jitgawda minn ħadd, issa se jkun aċċessibbli għal kulħadd u joffri post ta’ rilassament u mistrieħ.
Ma’ dan, fil-ġnien qed jinbena wkoll ġibjun biex l-ilma li jinġabar fih ikun jista’ jintuża f’sistema ta’ irrigazzjoni u b’hekk jagħmel il-post aktar sostenibbli.
Dan filwaqt li se tiġi installata sistema ta’ dawl moderna biex ittejjeb il-viżibilità u s-sigurtà bil-lejl, flimkien ma’ sistema ta’ CCTV cameras.
“Dan il-ġnien, li sa ftit taż-żmien ilu kien spazju mitluq u bla ħajja, se nittrasformawh fi spazju miftuħ għall-komunità, fejn il-familji, iż-żgħażagħ u t-tfal tagħna jistgħu jiġu hawnhekk jirrilassaw fil-ħin liberu tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia
Hu żar ukoll l-Arka ta’ De Rohan fejn għaddejjin xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Dwar dawn iż-żewġ proġetti kkummenta wkoll is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Steve Zammit Lupi.
“Dawn iż-żewġ proġetti se jkunu ta’ benefiċċju għar-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ u anke għan-nies li jżuruna, biex inkomplu nsebbħu l-lokalità tagħna.”
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Steve Zammit Lupi