Il-Kabinett approva miżura li se tkompli tgħin lill-importaturi tal-qmuħ u ċ-ċereali f’pajjiżna.
Għal dawn l-aħħar snin, wara li faqqgħet il-Gwerra fl-Ukrajna u feġġet kriżi internazzjonali, il-Gvern kien iddeċieda li jissussidja l-importazzjoni taċ-ċereali, l-istess bħalma ġara fuq il-prezzijiet tal-enerġija.
L-estensjoni tal-miżura tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fi tmiem il-Kabinett man-nies f’Dar San Ġużepp, f’Santa Venera.
“Illum nista’ ngħid li, waqt il-Kabinett, approvajna miżura ta’ għajnuna oħra għal dawk li jimportaw il-qmuħ f’pajjiżna. Jiġifieri dik hi għajnuna li forsi ftit tkun magħrufa barra, imma li kieku ma tingħatax, u għajnuna li tammonta għal miljuni, li kieku ma tingħatax ikollok iż-żieda tal-prezzijiet fi prodotti essenzjali.”
Hawn il-Prim Ministru żied jispjega kif l-iskema ‘Stabbiltà’ diġà rnexxielha tnaqqas l-inflazzjoni f’pajjiżna għal-livelli mixtieqa saħanistra qabel il-miri mbassrin.
Hu semma wkoll l-iskema li tat stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, fejn qal li din kienet l-aktar miżura b’saħħitha waqt l-isfidi inflazzjonarji li pajjiżna kien suġġett għalihom b’mod partikolari minħabba l-insularità.