Il-politika tal-fazzjoni estrema tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ dik li titlob l-inkjesti biex imbagħad il-PN jitlob ir-riżenji qabel imqar tkun bdiet l-inkjesta.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista fejn innutaw li t-talba u d-deċiżjoni għall-inkjesta Maġisterjali dwar allegazzjonijiet marbuta mal-LESA “mhux biss ma ssemmi mkien il-Ministru Byron Camilleri, iżda kien il-Ministru Camilleri li ddikjara minnufih li hu ma jdejqu l-ebda skrutinju fuq l-ebda entità jew aġenzija. Hekk titlob is-serjetà.”
Il-Partit Laburista żied jgħid li dan differenti ħafna mill-Kap tal-Oppożizzjoni li hu nnifsu kien fil-mira ta’ allegazzjonijiet serji min-nies mill-istess fazzjoni u li dejjem ħarab milli jiffaċċjahom jew tal-inqas jispjegahom; “Fil-fatt il-kelliema ta’ Bernard Grech qed jibqgħu jitfgħu l-ġebla fuq saqajhom meta jiġbdu l-linja tal-fazzjoni estrema.”
“Dwar il-Ministru Byron Camilleri m’hemm ebda inkjesta. Differenti minn per eżempju Adrian Delia li dwaru hemm inkjesta wara allegazzjonijiet minn ħdan il-Partit Nazzjonalista stess. Ikun tajjeb wieħed jistaqsi jekk Carabott u Buttigieg għadhomx iridu r-riżenja tiegħu wkoll” żiedet tgħid l-istqarrija.
Fuq kollox il-Ministru Camilleri mhux biss saħħaħ u qed isaħħaħ is-sistemi għal governanza aħjar, iżda jkun miftuħ għal kwalunkwe għodda li tista’ tipprovdi titjib fis-sistemi ta’ governanza. Kien għalhekk li anke l-Awditur Ġenerali nnota kif rakkomandazzjonijiet li għamel hu fl-aħħar snin kienu implimentati. B’hekk mhux talli l-Ministru Camilleri ma kienx sieket kif prova jimplika l-Partit Nazzjonalista, talli kien ċar sa mill-bidu nett li ma jdejqu ebda skrutinju.