“Ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni hija insult għaż-żgħażagħ u petty.”
Hekk iddikjara l-Partit Laburista fi stqarrija b’reazzjoni għal stqarrija oħra mill-Partit Nazzjonalista dwar il-protofoll li n-nominat ta’ Malta Glenn Micallef ingħata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista weħħlet f’Robert Abela li Micallef ma ngħatax aktar responsabilitajiet ma’ dawk li ngħata.
Sadanittant, il-Partit Laburista feraħ lill-Kummissarju Ewropew nominat ta’ Malta Glenn Micallef, li ġie fdat bil-portafoll taż-Żgħażagħ, il-Ġustizzja Interġenerazzjonali, il-Kultura u l-Isport, mill-President tal-Kummissjoni Ewropea. “Portafoll importanti li qed jiġi fdat f’idejn vuċi b’saħħitha u żagħżugħa minn Malta.”
Gvern Laburista tabilħaqq jemmen fiż-żgħażagħ, fil-kultura u l-isport li huma importanti fl-iżvilupp tal-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna. Huwa ta’ dispjaċir li l-Oppożizzjoni minflok ferħet li l-Kummissarju nominat ta’ pajjiżna jista’ jkun il-vuċi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, ħarġet tattakka lill-Prim Ministru li ressaq din l-istess nomina. Tassew insult għaż-żgħażagħ minn Oppożizzjoni sensazzjonali u petty li wieħed jawgura li ma tkomplix taqa’ għal-livelli baxxi iżda tagħmel sforz biex tintefa’ ’l fuq mill-partiġġjaniżmu li hi dejjem iffisata fuqu.
Il-Partit Laburista awgura lil Glenn Micallef għall-pass li jmiss f’dan il-proċess sabiex ikompli jagħmel lil pajjiżna kburi permezz ta’ ħidma importanti fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.
Anke ż-Żgħażagħ Laburisti laqgħu l-aħbar u qalu li Micallef se jkun katalist importanti biex tonqos id-diskrepanza li teżisti bejn il-ġenerazzjonijiet.
Il-fergħa Laburista qalet li dan hu pass importanti biex iż-żgħazagħ jingħataw pjattaforma aktar b’saħħitha fuq livell Ewropew u din id-deċiżjoni hi xhieda ċara ta’ kif iż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-preżent, konvinta wkoll li Micallef se jkun rappreżentant denju.