Bejn l-2020 u l-2022, 840 intrapriża li ġew intervistati fi stħarriġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qalu li wettqu investimenti relatati ma’ innovazzjoni, li jlaħħqu kważi €837 miljun.
Minn dan, jingħad li, fost oħrajn, 308 intrapriżi investew fi prodotti ġodda, waqt li 417 oħrajn investew fil-proċess tan-negozju tagħhom.
L-intrapriżi fil-manifattura kellhom l-akbar nefqa sħiħa f’dan ir-rigward, li tirrappreżenta 73.5 fil-mija, segwita mill-informatika u l-komunikazzjoni bi 17.3 fil-mija u l-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi b’4.7 fil-mija.
Dawn ukoll kważi 38.6 fil-mija għamlu użu minn fondi nazzjonali allokati b’mod speċifiku għar-riċerka u l-iżvilupp.
Mill-istess riżultati tal-NSO joħroġ ukoll li 26.9 fil-mija tal-intrapriżi li investew fl-innovazzjonijiet għamlu dan bl-iskop li jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-użu tal-enerġija jew il-carbon footprint tagħhom.