Iċ-ċaħda materjali severa u l-esklużjoni soċjali f’pajjiżna kompliet tonqos u tinsab ferm taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ minn ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea stess, għall-2023 li wrew kif ir-rata ta’ pajjiżna kienet ta’ 4.1%.
Ir-riżultati ppubblikati mill-Eurostat it-Tnejn juru li r-rata ta’ pajjiżna llum hi kważi wieħed fil-mija minn sena qabel, fl-2022, hekk kif ir-rata ta’ ċaħda materjali severa u l-esklużjoni soċjali kienet kważi ħamsa fil-mija, biex fuq perjodu ta’ tnax-il xahar, li fihom iddaħħlu aktar miżuri soċjali, ir-rata ta’ pajjiżna naqqset b’0.8%.
Għaxar snin qabel, meta l-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi kien jiddikjara li l-faqar kien biss perċezzjoni f’pajjiżna, din l-istess rata kienet fil-livell ta’ 10.3%.
Dak iż-żmien ukoll, il-proċess biex jiġi kkalkulat il-livell tal-faqar fl-Unjoni Ewropea kien inqas rigoruż mil-lum. Esperti fil-qasam, li tkellmu ma’ ONE News, jemmnu li, kemm-il darba dak iż-żmien kien jiġi kkalkulat kif isir illum, ir-rata kienet titla’ ferm iżjed u anke tqarreb xi tliet darbiet iżjed mil-lum.
Meta mqabbla mal-medja fl-Unjoni Ewropea llum, ir-rata ta’ Malta hi ferm inqas, b’differenza ta’ kważi tlieta fil-mija.
Matul l-2023, Malta kompliet tirreġistra titjib fil-ġlieda kontra l-agħar forma ta’ faqar, bil-kontra tal-bqija tal-Ewropa fejn kien hemm żieda, anke jekk minima.
Dwar dan, ħadna r-reazzjoni tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, li sostna li dan it-tnaqqis hu riżultat grazzi għal bosta miżuri soċjali li ttieħdu mill-Gvern.
“Jiġifieri meta tqabbel il-figuri li għandna bħalissa ma’ dawk li kellna għaxar snin ilu, issib li minn kull tliet persuni li għaxar snin ilu kienu jgħidu li jħossuhom imċaħħdin materjalment severament, tnejn minnhom m’għadhomx iħossuhom hekk. Jiġifieri dan hu riżultat ta’ diversi miżuri li ddaħħlu matul is-snin. Ovvjament ukoll kellek l-ekonomija li kibret b’ritmu qawwi ħafna u din wasslet biex inħolqu l-impjiegi u, naturalment, ħafna nies ħallew id-dipendenza soċjali u daħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Mark Musù – Segretarju Permanenti
Musù semma kif il-miżura li tikkumpensa għaż-żidiet fil-kriżi tal-enerġija kienet importanti biex ir-rata tal-faqar f’pajjiżna tkompli tonqos u, waqt li pajjiżi oħrajn għadhom qed jiffaċċjaw kontijiet esaġerati bil-kriżi tal-enerġija, dan ma seħħx fostna għax il-prezzijiet, bħal tad-dawl u tal-fjuwils, baqgħu stabbli.