It-Tlieta filgħodu ġie mitmum il-każ ġudizzjarju fil-konfront ta’ sitt eks kunsillieri u sindki, li 14-il sena ilu kienu ġew akkużati li ffrodaw lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif il-Qorti rrifjutat l-appell li l-Avukat Ġenerali kien ressaq tliet snin ilu wara l-ewwel sentenza li ħelset minn kull akkuża lil Claudette Abela Baldacchino, Michael Cohen, Noel Formosa, Doris Borg, Joe Borg u Alessandro Oreste mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali.
Huma kienu akkużati li, f’Novembru tal-2010 u fix-xhur jew is-snin ta’ qabel, kienu ffrodaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern Malti.
Dak iż-żmien l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi, l-OLAF, kien qal li seta’ kien hemm xi irregolaritajiet mid-delegazzjoni Maltija fit-talbiet għal ħlas lura fuq biljetti tal-ivvjaġġar għas-snin 2004-2007 f’somma li tlaħħaq madwar €96,000.
Mill-istħarriġ tal-Pulizija lokali kien irriżulta li kienu jinħarġu żewġ rċevuti għal kull vjaġġ bi prezzijiet differenti.
Iżda fil-Qorti, mill-provi li tressqu, il-Maġistrat Josette Demicoli kienet ikkonkludiet li l-każ kien xeneġġjata u illiberat lill-akkużati fl-2021.
Peress li l-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza, il-każ kompla jkarkar tliet snin oħra, biex issa, it-Tnejn filgħodu, il-Qorti tal-Appell irrifjutatu. L-Avukati Manuel Mallia, Arthur Azzopardi u Ezekhiel Psaila dehru għas-sitt eks uffiċjali.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, sodisfatti għall-aħħar deċiżjoni mill-Qorti, l-eks Membru Parlamentari Ewropew Abela Baldacchino tellgħet ritratt ma’ erbgħa mill-kollegi fil-każ, waqt li kkummentat li, għall-aħħar 14-il sena, iltaqgħu kważi kull xahar għall-kafè, b’referenza għas-seduti li kien qed ikollhom regolarment fil-Qorti.
Nieqes mir-ritratt kien hemm l-eks Sindku tal-Mellieħa, Joe Borg, li, sfortunatament, laħaq miet qabel intemmu l-proċeduri kollha.