Il-gazzetta Malta Independent fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd ħeġġet biex emendi legali dwar hacking, li l-Gvern ressaq għall-konsultazzjoni wara approvazzjoni mill-Kabinett, għandhom jiddaħħlu kemm jista’ jkun malajr biex każi fejn dan iseħħ mingħajr intenzjonijiet ħżiena ma jibqax jitqies bħala reat.
Dawk li jitqiesu bħala ethical hackers huma individwi jew kumpaniji li jidħlu f’sistemi tal-ICT biex jipprovdu soluzzjonijiet u jsaħħu s-cybersecurity tas-sistema.
Fl-editorjal tagħha, il-gazzetta rreferiet, b’mod partikolari, għall-każ riċenti ta’ tliet studenti Universitarji u l-lettur tagħhom, li qed jiffaċċjaw proċeduri fil-Qorti u l-possibbiltà ta’ kundanna sa erba’ snin ħabs, wara li identifikaw u rrapportaw difetti fl-applikazzjoni online tal-istudenti bl-isem ta’ FreeHour.
Il-każ seta’ wassal għal telf ta’ dejta personali jew agħar. L-erba’ persuni ġew irrapportati lill-awtoritajiet mill-istess FreeHour, anke jekk kien ċar li dawn ma kellhom l-ebda skop ħażin.
B’rabta ma’ dan il-każ, fl-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li f’laqgħa tal-Kabinett ġiet diskussa politika ġdida li l-għan tagħha hu li jiġi regolat dan il-qasam emerġenti ta’ xogħol biex b’hekk anke jiġu implimentati salvagwardji lil min jaħdem f’dan il-qasam, fosthom dawk li jiskopru vulnerabbiltajiet f’sistemi diġitali.
Din il-politika, li tfasslet mill-MDIA b’ħidma bejn il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Ministeru għall-Intern, tnediet għall-konsultazzjoni pubblika ġimgħa ilu u se tibqa’ miftuħa sas-7 ta’ Ottubru li ġej. Din għandha twassal biex ikun hemm proċedura stabbilita u legali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riċerkaturi tas-sigurtà, magħrufa aħjar bħala ethical hackers.
Il-Prim Ministru kien qal li jrid jinċentiva liż-żgħażagħ, li jistudjaw għal karriera f’setturi ġodda bħala parti mill-viżjoni tal-Gvern favur iżjed impjiegi li jkunu inqas intensivi, iżda ta’ kwalità għolja. Għaldaqstant tenna li ma setax iħalli lakuni jew liġijiet ambigwi f’settur fejn instab li kien hemm nuqqas ta’ regolamentazzjoni.
L-Independent uriet is-sodisfazzjon li, issa li se jkun hemm sett ta’ regolamenti f’posthom dalwaqt, hackers etiċi almenu se jkollhom linji-gwidi li jridu jimxu magħhom, waqt li jiddistingwuhom b’mod ċar minn min ikun qed jagħmel dan bi skopijiet ħżiena.