Ħadu vantaġġ minn mewt ta’ raġel biex jimbuttaw l-aġendi politiċi tagħhom.
Dan kien innutat mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, f’artiklu li kiteb fuq il-gazzetta ‘The Malta Independent’, fejn irrakkonta dak li seħħ minn wara l-mewt ta’ Stephen Mangion fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei nhar is-27 ta’ Awwissu li għadda.
Fl-artiklu intitolat, ‘Fake News’, l-Ministru Abela rrakkonta kif il-ġranet li segwew l-mewt ta’ Mangion kienu diffiċli minħabba l-fatt li kienu diversi persuni pubbliċi inkluż esponenti tal-Partit Nazzjonalista li rikbu fuq dak li kien ġara biex jiftħu attakk qatta’ bla ħabel fuq is-servizz tas-saħħa ta’ pajjiżna.
Abela ddikkjara kif ftit wara li bdew ħerġin l-allegazzjonijiet, iddeċieda li jaħtar inkjesta indipendenti li timxi b’mod parallel ma’ dik Maġisterjali li twaqqfet b’mod awtomatiku. B’din tal-aħħar ġiet ippubblikata fl-aħħar jiem u ma sabet l-ebda negliġenza mill-istaff mediku.
Il-Ministru Abela fakkar ftit minn dak li ntqal fuq il-mezzi soċjali, apparti li stqarr kif kien ikkuntattjat minn diversi professjonisti fil-qasam tas-saħħa li nfurmawh li kienu qegħdin jiġu soġġetti għal abbuż mill-pazjenti u qrabathom.
Fid-dawl tal-attakki insensati fuq il-midja soċjali, il-Ministru tas-Saħħa stqarr kif kien jippreferi li kieku dawk li bdew jimbuttaw l-allegazzjonijiet tellgħu dimostazzjoni fil-Belt Valletta minflok inħbew wara profil falz ta’ Facebook bl-isem ta’ ‘Manuel Debono’.
Kien hawn li l-Ministru Abela kkundanna l-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, b’mod partikolari tad-deputati Adrian Delia u Ian Vassallo Hagi li ndirizzaw konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-mewt ta’ Mangion. Dan filwaqt li siedinhom biex żuru l-Isptar Mater Dei u jaraw il-ħidma li tkun għaddejja ta’ kuljum.
Il-Ministru Abela tenna kif f’Mater Dei wieħed jara d-dipartimenti mimlija bl-attività, kemm fejn jidħlu interventi mediċi iżda wkoll fejn tidħol il-kura tal-pazjenti lil’hinn mis-teatri tal-operazzjoni.
Huwa sostna kif din il-ħidma fl-isptar żgur tmur kontra l-impressjoni li ppruvaw jagħtu l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, dik li hemm diżastru fil-qasam tas-saħħa.
B’hekk irrimarka kif dan kien biss episodju ieħor ta’ fake news, minn għadd ta’ gruppi fil-pajjiż u li l-Partit Nazzjonalista għamilhom tiegħu.
Il-Ministru Jo Etennie Abela għalhekk tenna kif mhux veru li dawn in-nies jimpurtahom mill-pazjenti, anzi jużaw lil pazjent għall-skopijiet partiġġjani. Abela temm l-artiklu billi qal li mhux se jikkumenta dwar jekk dawn humiex kapaċi li jtejjbu s-servizz tas-saħħa meta jużawh b’dan il-mod.