Ġimgħa biss wara li l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ġie kkundannat mill-Qorti għal kummenti, li nstabu li jippreġudikaw il-każ kontra Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, żdiedu l-attakki mill-establishment kontra d-deċiżjoni tal-Imħallef Edwina Grima, anke b’iżjed kummenti bl-istess retorika li mhux eskluża li ntiża speċifikament biex il-każ ġudizzjarju jitwaqqa’ kompletament.
Jason Azzopardi ttella’ jixhed wara rikors fil-konfront tiegħu mid-Difiża ta’ Fenech, minħabba kummenti f’intervista mas-sit Lovin’ Malta. Kummenti li l-Qorti wkoll mhux biss ordnat biex jitneħħew mill-intervista, iżda wkoll li ma jiġux ripetuti fil-pubbliku.
Iżda l-establishment Nazzjonalista issa ħareġ lill-blogger Manuel Delia, li wkoll fetaħ attakk ġdid fuq il-Qorti u l-Imħallef Grima, waqt li ddefenda l-aġir ta’ sieħbu Jason Azzopardi.
Kummenti identiċi, li wkoll jippreġudikaw il-każ ta’ Fenech, saru fl-aħħar jiem mill-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Grima kienet sostniet li tali kummenti minn Azzopardi jinterferixxu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u anke jinfluwenzaw lill-ġurati, li għadhom iridu jintagħżlu fil-proċess għall-ġuri. Fit-tieni ċanfira f’inqas minn ġimgħa, l-Imħallef ukoll ikkonkludiet li, kemm-il darba dan il-logħob se jkompli fil-pubbliku, allura kienet lesta li tieħu l-każ dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia fil-magħluq.
Iżda, issa, Manuel Delia kien pront jisfida tali deċiżjoni, li ddeskriviha bħala “tal-waħx għal diversi raġunijiet”.
Skontu, dak li mponiet il-Qorti japplika biss għall-awtoritajiet pubbliċi u mhux lil ħaddieħor, bi sfida ċara li l-establishment għandu l-ħsieb ċar li jkompli jagħmilha tal-ġudikant, flok l-istituzzjoni ġudizzjarja, minkejja l-ħafna paroli favur l-governanza t-tajba u s-saltna tad-dritt li għaqdiet bħal Repubblika jipprietkaw kontinwament.
F’filmat li tella’ fuq il-midja soċjali, Manuel Delia nsista li Yorgen Fenech għandu jibqa’ jissemma bħala l-perċimes u l-uniku moħħ wara r-reat, anke jekk sa ftit ilu kienu jiddikjaraw ħafna differenti.
Esperti tal-Qorti, li tkellmu ma’ ONE News, indikaw li din tista’ tkun biss logħba legali biex effettivament Yorgen Fenech lanqas biss jgħaddi ġuri dwar il-każ u allura, possibbilment, ma ssirx il-ġustizzja sħiħa.