B’vot ta’ fiduċja ta’ 95.8%, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg li għandu 38 sena, se jibda jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista.
B’hekk awtomatikament u anke kif stipulat fl-istatut, il-Ministru Borg issa se jinħatar anke bħala Deputat Prim Ministru, wara r-riżenja ta’ Chris Fearne.
Minn 721 vot, il-Ministru Borg ġab 678 vot iva, 30 le u 13-il astensjoni.
Il-Prim Ministru Robert Abela awgura liż-żewġ Deputati Mexxejja ġodda tal-Partit Laburista.
Huwa saħaq li jħares ’il quddiem li flimkien ma’ team b’saħħtu ta’ nies b’esperjenza u oħrajn ġodda, inkomplu niġġeddu.
Għada niltaqgħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun għall-għeluq tal-Konferenza Ġenerali.
Dwar il-Ministru Ian Borg:
Ian Borg beda l-karriera politika tiegħu fl-2005, meta ġie elett Sindku ta’ Ħad-Dingli fl-ewwel elezzjoni li qatt ikkontesta.
Huwa reġa’ ġie elett bħala Sindku ta’ din il-lokalità fl-elezzjonijiet tal-2008 u tal-2012.
Fl-elezzjoni ġenerali tal-2013, Dr Borg ġie elett fil-Parlament u kien l-iżgħar membru tal-Kabinett ta’ Gvern Laburista bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea tal-2017 u l-Fondi Ewropej.
Wara l-elezzjoni tal-2017, Borg inħatar bħala Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Taħt it-tmexxija ta’ Ian Borg f’dan il-Ministeru beda l-proġett infrastrutturali massiċċ ta’ €700 miljun sabiex isiru t-toroq ta’ pajjiżna. Dan wassal biex inħolqot l-aġenzija Infrastructure Malta, fejn fosthom sar l-akbar proġett infrastrutturali, dak tal-junctions tal-Marsa.
Wara l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2022, Ian Borg ġie maħtur mill-Prim Ministru Robert Abela bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – kariga li għadu jokkupa sal-lum il-ġurnata.
Fi Frar tas-sena l-oħra u f’April ta’ din is-sena, Ian Borg kien President tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Dan hekk kif fix-xhur imsemmija, pajjiżna kellu l-Presidenza ta’ dan l-organu importanti f’din l-istituzzjoni internazzjonali.
Bħalissa wkoll, Ian Borg huwa ċ-Chairperson-in-Office tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa, l-OSCE. Dan hekk kif pajjiżna, tul din is-sena, ġie magħżul biex imexxi din l-akbar organizzazzjoni reġjonali fid-dinja, fejn fost oħrajn bħala membri tagħha hemm l-Istati Uniti, ir-Russja, l-Ukrajna, ir-Renju Unit u l-Ġermanja.
Dr Borg issemma wkoll mal-aqwa 40 ta’ taħt l-40 sena minn European Voice fl-2017 u fl-2013, kien mal-aqwa 30 politiku ta’ taħt it-30 sena minn Forbes.