Dalgħodu hu t-tieni u l-aħħar jum tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet għall-ħatriet fl-ogħla karigi tal-amministrazzjoni u l-eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Dan wara li lbieraħ filgħaxija bdiet il-Konferenza Ġenerali, li fiha tkellmu d-Deputati Mexxejja attwali tal-partit Chris Fearne u Daniel Micallef, u l-President attwali Laburista Ramona Attard.
Wara din l-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali saret il-votazzjoni fejn ivvota fost oħrajn, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela u martu Lydia.
F’din il-votazzjoni, id-delegati qegħdin jivvotaw lil:
- Ian Borg għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament;
- Alex Agius Saliba għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit;
- Norma Saliba jew Alex Sciberras għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista;
- Georvin Bugeja jew John Grech għall-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista; u
- għal 12-il membru tal-eżekuttiv minn 37 kandidat.
Il-vtoazzjoni llum se tkun miftuħa bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-sagħtejn ta’ waranofsinhar fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, u bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar fiċ-Ċentru Laburista f’Ta’ Sannat.
L-istazzjonijiet ONE se jibqgħu jaġġornaw b’dak li se jiġri fil-Konferenza Ġenerali, kemm permezz ta’ programm speċjali ppreżentat minn Claudia Cuschieri u fuq is-sit one.com.mt.