Il-Ġimgħa filgħaxija, l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel se tkun qed iżżewwaq is-sema fuq Ħaż-Żabbar permezz ta’ spettaklu bid-drones sinkronizzati mal-mużika li se tiġi interpretata mill-banda tal-istess għaqda.
Għal dan l-ispettaklu, li se jkun qed jieħu madwar kwarta u t-tħejjijiet għalih ħadu madwar sitt ġimgħat, se jkun hemm taħlita ta’ mużika, dawl u anke logħob tan-nar.
Iżda, fuq kollox, se jiġbed l-attenzjoni l-ispettaklu b’madwar 180 drone li se jkunu qed jixgħelu minn fuq il-knisja tal-lokali u joħolqu diversi simboli differenti kif ukoll inkwadraturi tal-Madonna nnifisha.
ONE News żar l-għalqa fejn kienu qed isiru l-aħħar preparamenti għal dan l-ispettaklu, fejn iltqajna mal-President tal-għaqda, Quinton Scerri, flimkien ma’ membri u voluntieri oħrajn.
Scerri qasam l-idea li l-Għaqda għandha biex tintegra l-element teknoloġiku mal-festa tradizzjonali Maltija.
“Illejla se nkunu qegħdin inħalltu l-aspett tradizzjonali tal-festa Maltija mat-teknoloġija moderna fejn, permezz ta’ dawn id-drones, se nkunu qegħdin nuru numru ta’ simboli, li jirrappreżentaw lil Ħaż-Żabbar u anke t-tradizzjoni sabiħa tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Din hi l-ewwel darba li, f’festa Maltija, qegħdin naraw it-teknoloġija tiġi użata bħala parti miċ-ċelebrazzjoni ta’ marċ.”