Iċ-ċentru xjentifiku interattiv tal-Esplora fi tmiem din il-ġimgħa qed jorganizza ‘Dino Weekend’, b’jumejn ta’ attivitajiet interessanti, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Maltija tal-Films, tant li se jiġu esebiti bosta dinosawri li ntużaw fuq is-sett tal-film miġbud f’pajjiżna ‘Jurassic World: Dominion’.
L-għan ta’ dan l-avveniment speċjali se jkun biex kull min jattendi fl-Esplora fil-Kalkara, jipparteċipa f’diversi attivitajiet interattivi b’rabta mat-tema tad-dinosawri u l-preistorja, inkluż ħafna speċifikament għat-tfal.
Dwar dan u aktar, ONE News tkellem ma’ Kiki Mizzi, Kap tat-Taqsima Edukattiva tal-Esplora, li qasmet magħna ftit tagħrif dwar dak li wieħed jista’ jesperjenza matul il-jiem li ġejjin.
“It-tim tal-edukazzjoni jaħdem ħafna fuq ir-riċerka u għażilna s-suġġett tad-dinosawri u ħloqna, dan il-weekend, avveniment sabiħ għat-tfal kollha minn età żgħira, anke għal tfal ta’ sena ’l fuq għandna l-outputs u x-shows. Attivitajiet ma jispiċċaw qatt f’dan il-weekend għall-familja kollha biex jieħdu pjaċir u ovvjament issa miftuħin u eċċitati biex nuru ħafna sorpriżi lil kull min se jiġi l-Esplora f’dan il-weekend.”
Kiki Mizzi – Kap tat-Taqsima Edukattiva tal-Esplora
L-Esplora jistma li se jkun qed jilqa’ mal-elf u mitejn viżitatur fi tmiem il-ġimgħa biss u, għaldaqstant, il-biljetti huma limitati.
L-esebizzjoni hi miftuħa s-Sibt u l-Ħadd bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar.