Fit-tieni kwart tas-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju li għaddew, in-numru ta’ nies li kellhom xogħol f’pajjiżna kien ilaħħaq it-tliet mija u ħmistax-il elf, ħames mija u ħamsa u erbgħin persuna (315,545), li jfisser li 64.3 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna mill-età taʼ ħmistax-il sena ’l fuq kienu attivi fis-suq tax-xogħol nazzjonali.
Iċ-ċifri, li joħorġu mil-Labour Force Survey u ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li kien hemm żieda ta’ 6.2 fil-mija fl-ammont tal-ħaddiema meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Bħala medja, l-NSO qal kif 78 persuna minn kull 100 fl-età bejn il-15 u l-64 sena kienu qegħdin jaħdmu. L-akbar sehem taʼ persuni jaħdmu kien fl-età bejn il-25 u l-34 sena, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.
Dawk li jaħdmu għal rashom kienu jammontaw għal 14.2 fil-mija tan-nies kollha bʼimpjieg ewlieni.
Il-biċċa l-kbira tan-nies li jaħdmu jagħmlu dan fuq bażi full-time u kienu jgħoddu għal kważi mitejn u tmenin elf, filwaqt li kważi sitta u tletin elf oħra kellhom impjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom.
Fit-tieni kwart tal-2024, is-salarju bażiku medju tal-impjegati kien stmat għal €1,942 fix-xahar, bl-ogħla jiġi rreġistrat fil-qasam tal-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni.
Is-salarji medji fix-xahar varjaw minn €1,280 fost persuni impjegati fʼxogħlijiet elementari għal €3,162 fost dawk fi skali maniġerjali.
Sadanittant jingħad ukoll li r-rata tal-qgħad għat-tieni kwart tal-2024 kienet taʼ 3.2 fil-mija, bl-akbar għadd taʼ persuni f’din il-faxxa jkun fost dawk fl-etajiet ta’ bejn il-25 u l-74 sena.
In-nisa kienu jifformaw 58.7 fil-mija tan-nies kollha li ma kinux attivi fis-suq tax-xogħol u dawk ʼil fuq minn 65 sena kienu jirrappreżentaw l-akbar għadd taʼ nies mhux attivi.
Ir-raġuni ewlenija għalxiex tali persuni ma kinux attivi fis-suq tax-xogħol kienet minħabba li tkun intlaħqet l-età tal-irtirar jew minħabba li l-persuni jkunu rtiraw qabel iż-żmien.
Il-Labour Force Survey wera kif 37.6 fil-mija tal-persuni f’impjieg għandhom livell taʼ edukazzjoni terzjarja, bi kważi erbgħin fil-mija f’livell inqas taʼ edukazzjoni.