Għas-seba’ sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla se jorganizza l-attività teatrali Cospicua Short Play Festival f’diversi toroq f’Bormla.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, fejn intqal li l-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir bejn il-Ġimgħa 27 u s-Sibt 28 ta’ Settembru mis-sebgħa ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius spjega li din is-sena se jittellgħu sitt rappreżentazzjonijiet kompetittivi li se jsiru ġo partijiet storiċi f’Bormla. Il-festival huwa bla ħlas u mingħajr booking.
Dan filwaqt li l-Ħadd 29 ta’ Settembru se jingħataw ħames premjijiet għall-aqwa produzzjoni, attur, attriċi, skript u direttur.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li attivitajiet soċjokulturali bħal dan il-festival joffru sens ta’ komunità u jkomplu jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u d-Direttur Artistiku tal-Cospicua Short Play Festival Jason Zerafa.
Għal aktar informazzjoni fuq l-attività żur il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.