Nhar is-Sibt li ġej, se ssir it-tmien edizzjoni tal-attività kulturali “Connecting Through Culture” u se ssir fix-xatt f’Ta’ Xbiex.
Din l-attività tgħaqqad nies minn nazzjonijiet differenti permezz tal-kultura, filwaqt li ttella’ spettaklu b’artisti lokali u internazzjonali permezz tal-involviment ta’ numru kbir ta’ missjonijiet diplomatiċi, ambaxxati jew residenti f’Ta’ Xbiex, kif ukoll oħrajn li jinsabu barra mill-lokalità.
Il-grupp folkloristiku Malti ‘Il-Fuklar’ se jiftaħ ix-xow u jkompli b’numru ta’ bands, kantanti u żeffiena minn kull kantuniera tad-dinja.
Barra l-parteċipazzjoni Maltija, il-pajjiżi li se jipparteċipaw huma l-Greċja, l-Irlanda, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja, l-Olanda, it-Turkija, l-Istati Uniti, il-Palestina, l-Indja, il-Brażil, Qatar, iċ-Ċina, l-Arġentina, fost oħrajn.
Bħas-snin ta’ qabel, kull parteċipant inkluż il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex se jippreżentaw il-kultura, żfin jew gastronomija. Se jkun hemm numru ta’ stands tal-artiġjanat Malti, bosta bands, kantanti, żeffiena, mużiċisti, żona għat-tfal u oħrajn.
F’kumment ma’ ONE News, is-Sindku ta’ Ta Xbiex, Max Zammit fakkar l-importanza ta’ avveniment bħal dan biex mhux biss jgħaqqad kulturi differenti, iżda anke jagħti spazju tajjeb ħafna biex jippromwovu l-kultura Maltija.
Din l-attività hija organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex u tifforma parti mill-kalendarju kulturali tar-Reġjun Lvant tas-sena 2024, b’appoġġ finanzjarju mid-Direttorat tal-Gvern Lokali u s-Segretarjat tal-Gvern Lokali.
Id-dħul għal din l-attività huwa b’xejn u dakinhar it-triq se tkun magħluqa sabiex titgawda mill-pubbliku.