Fl-aħħar jiem, delegazzjoni mill-Pulizija ta’ Montenegro żaru l-Korp tal-Pulizija f’pajjiżna sabiex jesploraw kif qegħda taħdem b’suċċess is-sistema tal-body-cams u kif jistgħu jintegraw l-użu ta’ kameras simili f’pajjiżhom.
Stqarrija mill-Pulizija qalet li d-delegazzjoni internazzjonali pparteċipat f’diversi sessjonijiet mal-uffiċjali ta’ xtutna, fejn intwerew l-użu ta’ din is-sistema fl-infruzar tal-liġi.
Fost oħrajn, iż-żjara inkludiet dimostrazzjonijiet prattiċi, il-protezzjoni tad-data, l-aspett legali, kif ukoll kapaċitajiet virtwali u diretti tal-kameras.
L-uffiċjali minn Montenegro osservaw mill-qrib l-introduzzjoni ta’ din is-sistema fi ħdan il-korp tal-Pulizija u ġew provduti b’għarfien siewi dwar l-isfidi operattivi.
Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Korp tal-Pulizija ta’ pajjiżna sabiex jaqsam l-għarfien tiegħu u jsaħħaħ l-istandards u l-esperjenza tiegħu fuq livell internazzjonali.