Ħdax-il sena wara li Ronnie Azzopardi, magħruf bħala “s-Sufu”, kien instab ħati li poġġa bomba fiż-Żejtun, bl-iskop li joqtol lis-sieħba ta’ ħuh u wliedha, tressaq rikors fil-Qorti din il-ġimgħa fejn ingħad li x-xhud ewlieni fil-każ issa allegatament iddikjara ma’ iben u missier Azzopardi li dak iż-żmien kien ħalef falz.
Fir-rikors jingħad li, kontra dak li kien iddikjara fil-Qorti fl-2013, ix-xhud issa ammetta li mhux minnu li dakinhar kien għaraf lil Azzopardi bħala l-persuna li poġġa l-bomba.
Ir-reat imur lura għal Ġunju tal-elfejn u ħamsa, meta Azzopardi kellu xi argumenti dwar wirt ma’ Mary Rose Cassar, is-sieħba ta’ ħuh, li kien inqatel f’Bormla fl-elfejn u wieħed.
Fil-ġuri, li kien sar tmin snin wara, ix-xhud ewlieni Joseph Grima kien qal li hu, flimkien ma’ martu, setgħu jaraw dak kollu li kien qiegħed jiġri fi Triq il-Madonna tal-Ħniena fejn kienet tpoġġiet il-bomba. Hu kien xehed li ra karozza tieqaf, lil Azzopardi ħiereġ minnha u jpoġġi dak li ħasbu kien basket taż-żibel fit-triq u jitlaq.
Martu, Therese Grima, kienet qalet li, fil-borża, li kienet tqila ħafna, rat bħal batterija mqabbda bil-wires. Hi qalet ukoll li, biex ġarritha f’sit tal-kostruzzjoni, kellha bżonn l-għajnuna ta’ persuna oħra, Angela Bondin. Wara li poġġew il-borża fil-ġenb, in-nisa waqfu jitkellmu ftit u kien hawn li l-bomba splodiet f’daqqa.
L-isplużjoni kienet ħasdet il-ħajja ta’ Angela Bondin, filwaqt li kkawżat ġrieħi ta’ natura gravi fuq Therese Grima.
Sadanittant, fir-rikors, li tressaq issa, jingħad li Joseph Grima xehed falz meta qal, li kien fuq il-bejt tad-dar ma’ martu biex jarmaw għall-festa.
Id-difiża ta’ Ronnie Azzopardi qalet li l-klijent tagħhom sar jaf li x-xhud beda jgħid li hu qatt ma identifika lill-akkużat bħala r-raġel li poġġa l-bomba. Kien hawn li hu informa li ibnu u lil missieru, li avviċinaw lil Grima.
Jingħad li kien hawn li l-istess Joseph Grima qal li mhux minnu li għaraf lil Ronnie Azzopardi bħala l-persuna li poġġiet il-bomba, tant li qal li jekk xi darba qal hekk hu lest li jmur il-ħabs minflok Azzopardi.
Għaldaqstant id-difiża qed titlob lill-Qorti biex tikkunsidra mill-ġdid biex is-sentenza ta’ ħtija ta’ Azzopardi f’Marzu tal-2013 titħassar jew tiġi revokata.