Fiż-żona magħrufa bħala Tal-Bebbux, fiż-Żurrieq, fl-aħħar jiem skatta proġett importanti ta’ stormwater mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li se jkun qed jgħin biex titnaqqas il-problema ta’ għargħar f’l-inħawi u l-madwar.
Meta jkun konkluż, dan il-proġett b’investiment ta’ madwar mija u sittin elf ewro se jkun qed jingħaqad ma’ sistemi simili eżistenti ta’ madwar mija u erbgħin metru, bl-ilma jitwassal sat-triq Blue Grotto Avenue.
Il-Perit Mario Ellul spjega kif dan il-proġett se jkun qed jikkonsisti f’għadd ta’ proġetti biex jinħolqu culverts, li minnhom se jgħaddu għadd ta’ katusi u kaxxi bżonnjużi għas-sistema.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mix-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, enfasizza kif dan il-proġett se jkun qed ikompli jserraħ moħħ ħafna residenti fl-akkwati.
“Il-prijorità ta’ dan il-Gvern hi li niżguraw is-serħan il-moħħ lir-residenti tagħna, filwaqt li nkomplu nagħtu iżjed saħħa u sigurtà fost il-komunitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia
Takkumpanja lis-Segretarju Parlamentari kien hemm is-Sindku tal-lokal, Rita Grima, li wkoll saħqet fuq l-importanza tal-proġett.
“Issa, biex ngħinu lir-residenti ħa nagħmlu s-stormwater, li se jkun jista’ jnaqqsilhom l-ilma u jkunu jistgħu joħorġu aktar easy minn djarhom u l-garaxxijiet tagħhom.”
Is-Sindku taż-Żurrieq