“Għażilt li nisma’. Nisma’ l-weġgħat tagħkom, is-suġġerimenti tagħkom u l-viżjoni tagħkom għal dak li jgħaqqadna lkoll flimkien, il-Partit”. Dan qalu Dr Alex Sciberras, kandidat għall-ħatra ta’ President tal-Partit Laburista fl-aħħar messaġġ tiegħu lid-delegati qabel jivvotaw bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
Hu stqarr li, f’dawn l-aħħar ġimgħat, iltaqa’ ma’ delegati li, bħalu u aktar minnu, taw ħinhom mingħajr qatt ma ppretendew xejn lura, ħlief li jibqgħu jħossuhom relevanti għall-Partit. Insista li ħadd mhu għar-rimi u kulħadd huwa validu, speċjalment dawk l-attivisti ta’ dejjem, li taw ħajjithom għall-Partit.
Hawn qal li, jekk jingħata l-fiduċja, se jara li nibqgħu Partit miftuħ u ta’ djalogu li jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u li, filwaqt li għandna nġeddu l-politika tagħna, m’għandna ninsew qatt minn fejn ġejna u l-principji Soċjalisti u progressivi li jsawruna.
“Ġejt quddiemkom inxejjer bandiera waħda,bandiera tal Partit Laburista,hemm bzonn li għaz żmien li ġej noħorgu minn qoxritna u nwasslu l-messaġġ tagħna b’konvinzjoni u determinazzjoni għax m’għandna nistħu minn ħadd,għandna bżonn niġġeddu fl-għaqda u jien konvint li flimkien jekk niġbdu lkoll ħabel wieħed nżommu dan il-Partit l-akbar forza politika f’pajjiżna.”
Alex Sciberras – kandidat għal President tal-Partit Laburista
Kompla jgħid li għandna noħorġu minn qoxortna u nwasslu l-messaġġ tagħna b’konvinzjoni, għax għandna ħafna għalxiex inkunu kburin u m’għandna nistħu u niddejqu minn ħadd.
Fakkar li hu tifel tal-Partit li, matul dawn l-aħħar għoxrin sena, għex parti importanti tal-istorja tiegħu kemm fi żminijiet iebsin fl-Oppożizzjoni, il-kważi rebħiet u mill-bidu tal-bidliet li twettqu biex għamilnieh Partit rebbieħ.
Dr Alex Sciberras stqarr li, miegħu, kulħadd jista’ jaħdem u li l-isforzi u l-ilħna ta’ kulħadd se jsibu spazju.
Hu kkonkluda li hemm bżonn niġġeddu fl-għaqda taħt bandiera waħda, dik tal-Partit Laburista. Flimkien nistgħu nwettqu l-bidliet li se jżommu l-Partit Laburista l-akbar forza politika f’pajjiżna.