Il-jott Jubatus ta’ Sean Borg il-ġimgħa li għaddiet irrepeta s-suċċess tas-sena l-oħra fit-tellieqa lejn Licata u lura, ospitata mir-Royal Malta Yacht Club.
Ir-Royal Malta Yacht Club ospita t-tellieqa ta’ 172 mil nawtiku l-Ġimgħa filgħaxija. It-tellieqa li bdiet minn Marsamxett kienet l-aħħar opportunità għal tellieqa offshore għall-ekwipaġġi li qed jippjanaw li jikkompetu fir-Rolex Middle Sea Race li ser isseħħ ix-xahar id-dieħel. It-tbassir tat-temp għat-tmiem il-ġimgħa fisser li l-ekwipaġġi kienu ser jkollhom tellieqa iebsa minħabba tbassir ta’ riħ ħafif.
Jubatus kisbu vantaġġ bikri meta kellhom bidu tajjeb kif ħarġu mill-port. Huma żammew man-naħa tal-punent tal-korsa u bnew vantaġġ sod meta daru ma’ l-ewwel baga f’Licata. Hekk kif il-bqija tal-flotta resqet lejn Licata, intlaqgħu b’riħ aktar stabbli, li ppermettiet progress b’inqas xkiel. Madankollu, l-irjieħ ħfief mbassra bidlu t-tellieqa fi sfida tattika, u ġiegħlu lill-ekwipaġġi jwettqu bidliet kostanti fil-qlugħ biex jkollhom l-aħjar prestazzjoni. Hekk kif il-flotta waslet qrib Ragusa, ir-riħ sparixxa għal kollox, u ħalliet ħafna dgħajjes weqfin għal siegħat twal, kollha bit-tama li jsibu i-riħ.
Jubatus kien l-ewwel li spiċċaw it-tellieqa wara 33 siegħa. Wara kisba ta’rebħa oħra, il-kaptan ta’ Jubatus Sean Borg ikkummenta li: “Kien hemm hafna tibdiliet u żviluppi wara d-debutt tagħna s-sena li għaddiet. Għal darb’oħra konna lesti għal tellieqa twila ‘l barra mix-xtut, anke minħabba li l-ekwipaġġ tagħna kellu tnejn minn nies inqas mis-soltu. Ir-riħ ħafif, partikolarment fl-aħħar medda meta konna eżawriti, kien frustranti iżda ninsabu kuntenti ħafna b’kif marru l-affarijiet”.
It-tieni post fuq il-ħin korrett inkiseb mill-jott J92 Juniper. Brian Flahive u Aaron Gatt Floridia, li kienu qedin jikkompetu double handed, għandhom snin twal t’esperjenza fit-tlielaq offshore. Huma ffaċċjaw lejl impenjattiv hekk kif il-kundizzjonijiet kienu jirrikjedu diversi bidliet tal-qlugħ biex iżommu d-dgħajsa miexja. L-aħħar tappa minn Ragusa rathom għal ftit żmien bla riħ. Din tathom ftit ħin ta’ mistrieħ. La darba reġgħu sabu r-riħ huma gawdew minn dak li Flahive ddeskriva bħala “ġirja sabiħa bil-Code Zero lejn Malta”.
It-tellieqa lejn Licata kienet t-itwal tellieqa offshore ta’ Kevin Pisani Zammit,li tellaq bil-jott tiegħu First 45 Dimm. Dimm li kienet l-itqal dgħajsa fil-flotta u ma tagħtix l-aħjar prestazzjoni tagħha f’riħ taħt is-6 mili nawtiċi fis-siegħa, waqgħu ftit lura qabel ma daru ma’ Prezioso. Madankollu, il-Ħadd filgħodu, l-ekwipaġġ ta’ Dimm irnexxilu jsib ir-riħ tant meħtieġ u minkejja li kienu eżawriti huma kisbu it-tielet post.
It-tiġrija li jmiss fil-kalendarju tal-RMYC hija l-Fully Crewed Figure of 8 Race li se ssir is-Sibt 21 ta’ Settembru.