Bħal-lum 59 sena twaqqfet id-Dar tal-Providenza. Din twaqqfet minn Dun Mikiel Azzopardi, b’Lm100 f’idejh mogħtija minn mara li kienet faddlithom biex tmur fuq btala u bihom beda din id-dar.
Din hi l‑ewwel dar f’pajjiżna li bdiet toffri servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità.
Wara dawn is-snin kollha, id-Dar tal-Providenza, bl-appoġġ sħiħ tal-poplu Malti u Għawdxi, b’għajnuna tal-ħafna voluntiera u b’appoġġ finanzjarju, minbarra fis‑Siġġiewi, għandha erbat idjar oħra fil‑komunitajiet.
Fost dawn hemm dar oħra fis-Siġġiewi, Birkirkara, il‑Qawra u ż‑Żurrieq. Dawn id‑djar jospitaw madwar 115‑il persuna b’diżabilità mogħnija bir‑rispett, drittijiet u dinjità tagħhom.