Malta laqgħet mal-400,000 turist fix-xahar ta’ Lulju, li fisser iżjed minn 18% fuq l-istess xahar tal-2023, is-sena rekord għall-industrija lokali. B’dan fisser li fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, bejn Jannar u Lulju, ġew fostna ftit inqas minn żewġ miljun turist u aktar minn 22% fuq l-istess perjodu.
Skont ċifri ppubblikati l-Ħamis mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, jirriżulta li 94% tat-turisti matul ix-xahar ta’ Lulju ġew bi skop ta’ vaganza, waqt li mal-għaxart elef kienu hawn għal raġunijiet ta’ xogħol. Il-bqija, madwar erbatax-il elf, kienu hawn bi skop edukattiv jew turiżmu reliġjuż jew mediku.
Jirriżulta li mal-74% minn dawn kellhom inqas minn ħamsa u erbgħin sena, waqt li l-Italja, ir-Renju Unit u Franza kienu l-aktar pajjiżi minn fejn waslu t-turisti f’Malta.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra, l-għadd sħiħ ta’ iljieli li dawn qattgħu fostna wkoll żdiedu, bi kważi 10%, biex laħqu kważi tliet miljun lejl, fil-maġġoranza fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni.
Fejn tidħol in-nefqa turistika f’Lulju li għadda din kompliet tiżdied u qabżet dik is-sena l-oħra b’20% biex laħqet iżjed minn erba’ mitt miljun ewro.
Dawn ir-riżultati mistennija jkomplu jitjiebu hekk kif, l-Erbgħa, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rrapporta li, fix-xahar ta’ Awwissu, esperjenza l-moviment ta’ aktar minn 983,000 passiġġier, l-aktar xahar impenjattiv fl-istorja tiegħu.
Dan fisser żieda għall-MIA ta’ kważi 12% fil-passiġġieri fuq Awwissu tal-2023, waqt li żdiedu t-titjiriet u l-postijiet disponibbli fuqhom.