Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa, immexxi mill-Ministru Jo Etienne Abela, elenka 18-il miżura bil-għan li jittejbu s-servizzi tas-saħħa, li, iżda, qed jiġu ostakolati mill-MAM. Dan wara li fil-konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-inkjesta fil-mewt ta’ Stephen Mangion, il-Ministru Abela kien diġà indika kif l-impenn tal-Gvern qed jiġi mfixkel mill-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lit-tobba, il-MAM.
Il-miżuri li qed jipprova jintroduċi l-Gvern jinkludu: l-assessjar mill-ewwel tal-pazjenti fl-Emerġenza minn tabib, l-ammont meħtieġ ta’ tobba tal-Emerġenza fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-iffinanzjar għall-użu tal-emerġenzi fil-privat f’każi mhux ta’ theddida għall-ħajja, it-twaqqif ta’ taqsima speċjalizzata għal pazjenti b’dipendenzi għolja fuq mediċina, ir-rilokazzjoni ta’ faċilitajiet lejn l-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech, l-investiment fi blokka ġdida tal-maternità, l-integrazzjoni tal-kura tas-saħħa mentali fl-Isptar, l-inklużjoni ta’ rappreżentanti tal-pazjenti, iċ-ċaqliq proviżorju tas-servizzi tal-IVF fil-privat sakemm titkabbar il-klinika fl-Isptar, u ż-żieda fil-ħinijiet matul il-lejl għall-MRIs u CT Scans.
Sadanittant, stqarrija tal-MUMN ukoll ċaħdet dikjarazzjoni mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, l-Erbgħa b’rabta ma’ dawk li sejħet akkużi foloz dwar l-għeluq ta’ ward fl-Isptar Mater Dei li ddeskrivieta bħala deċiżjoni ta’ niket.
Minkejja dan, l-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel qalet li l-ward kienet tintuża għall-plastic surgery, iżda ttieħdet fi żmien il-pandemija u issa, mill-ġdid, qed terġa’ sservi kif kienet dejjem intenzjonata, waqt li pazjenti fuq ventilazzjoni ġew trasferiti għal sala aktar attrezzata għal dan il-għan.