Sajjieda, għaqdiet u produtturi lokali se jkollhom l-opportunità li jesponu l-prodotti lokali. Dan waqt il-Malta Fish Fest ta’ din is-sena, li se tittella’ nhar l-Indipendenza, fil-21 ta’ Settembru, fir-raħal pittoresk magħruf bħala tas-sajjieda, Marsaxlokk.
L-attivitajiet se jinkludu diversi esebiti marbutin mas-sajd mid-Dipartiment għas-Sajd u l-Aġenzija Aquatic Resources Malta, ikel relatat mal-ħut u frott tal-baħar, u apparat użat għas-sajd, fost oħrajn.
Waqt il-festival tal-ħut se jkun hemm ukoll żona għat-tfal, divertiment minn diversi kantanti lokali, fosthom għannejja, Sarah Bonnici u l-band tagħha, Bernie and Pod, kif ukoll Sterjotipi.
Id-Direttriċi Estelle Bonello Sant spjegat it-tħejjijiet, li ilhom għaddejjin ix-xhur, biex dan il-festival ikun wieħed ta’ kwalità.
“Għal sena oħra qed jiġi organizzat il-Malta Fish Fest. Ovvjament nixtieq nistieden lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex jiġu nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru mis-6:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem u jgawdu minn din il-festa mimlija attivitajiet għall-familja kollha.”
Estelle Bonello Sant – Direttur
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet fuq l-importanza li jiġu organizzati avvenimenti ta’ dan it-tip f’pajjiżna. Hawn spjegat li dan il-festival qiegħed iservi wkoll biex juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ kontribut għas-sajjieda lokali u għax-xogħol li jitwettaq għall-benefiċċju tas-sajd f’pajjiżna.