L-Unjin Maltija għall-Qwiebel u l-Infermieri, l-MUMN, laqgħet l-inkjesta maġisterjali b’rabta mal-mewt naturali ta’ Stephen Mangion fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-aħħar t’Awwissu li għadda.
Fi stqarrija, l-MUMN ikkundannat l-attakk fuq l-infermieri u ħaddiema oħrajn tas-settur tas-saħħa, kemm fuq il-midja soċjali u anke f’konferenzi tal-aħbarijiet politiċi – referenza ċara għal dik li għamel il-Partit Nazzjonalista permezz tad-Deputati tiegħu Adrian Delia u Ian Vassallo Hagi, l-għada li miet Mangion, u kummenti li għadda Jason Azzopardi dakinhar stess.
L-MUMN sostniet li mewt naturali ta’ pazjent qatt m’għandha tiddawwar f’ballun politiku, speċjalment meta l-fatti kienu għadhom ma ħarġux. Intqal li l-allegazzjonijiet ipprovaw jattakkaw bi skop politiku lill-Ministeru għas-Saħħa u l-Gvern, billi użaw attakk fuq il-ħaddiema tas-saħħa.
Intqal li l-infermieri fl-Emerġenza u f’dipartimenti oħrajn jagħtu servizz mill-aqwa u sejħet dan l-attakk bħala stupitaġni u bla sens, li tikxef persuni bla skrupli u bla rispett lejn il-qraba tal-vittma u lejn il-ħaddiema tas-servizzi tas-saħħa.
L-unjin tenniet ukoll li l-verità ħarġet u minkejja dan l-inċident sfortunat, l-inkjesta tal-Maġistrat Joe Mifsud ma sabet l-ebda negliġenza min-naħa tat-tobba u l-infermieri, kif kien hemm min fil-verità xtaq li jseħħ.
Intqal li l-fatt li 40 infermier ġdid bdew jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza din il-ġimgħa, kif ħabbar il-Ministru responsabbli Jo Etienne Abela, turi li tassew hemm ir-rieda politika biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-pazjenti għal servizz aħjar.