Is-servizz tat-trasport permezz tat-trailers f’pajjiżna tant kiber, li attwalment pajjiżna qed jara l-moviment ta’ ’l fuq minn elf u tliet mitt trailer fil-ġimgħa, li jsir permezz ta’ sitt vjaġġi bil-baħar kull ġimgħa.
Dan ħareġ waqt laqgħa oħra, li saret bejn il-Ministru responsabbli mit-trasport Chris Bonett u rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tat-Tractors u t-Trailers, l-ATTO.
Waqt din il-laqgħa, intqal li s-settur lokali tat-trailers ilu jinbena tnejn u erbgħin sena, biex issa laħħaq livell b’saħħtu tant li stabbilixxa ruħu bħala wieħed mis-servizzi ewlenin importanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-katina tal-provvista.
Dan qiegħed iwassal biex Malta tingħaqad mal-bqija tad-dinja biex prodotti essenzjali, bħall-materja prima u prodotti oħrajn għall-industriji lokali, jaslu fil-ħin u jitilqu fil-ħin.
Proprju dwar dan, ONE News ħa l-kumment ta’ Joseph Bugeja, il-Kap Eżekuttiv tal-ATTO.
“Issa laħaq livell fejn qed nagħmlu elf u tliet mitt trailer fil-ġimgħa. Jiġifieri għandek sitt vjaġġi fil-ġimgħa bil-baħar u l-elf u tliet mitt trailer dħul u ħruġ u stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar servizzi tas-supply chain.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-ATTO, Joseph Bugeja
Waqt din il-laqgħa, l-ATTO ippreżentat lill-Ministru kopja tal-manifest tal-Unjoni Ewropea, li tħejja minn tliet pajjiżi gżejjer – Malta, l-Irlanda u Ċipru.
Fih, pajjiżna qed isemma leħnu dwar l-isfidi li jiġu ffaċċjati fis-settur, biex b’hekk l-Ewropa jkollha gwida ħalli tħares lejn is-settur tat-trailers.
“Il-manifesto li ppreżentajna lill-Ministru jinkludi fih numru ta’ punti, sfidi li tiffaċċja l-assoċjazzjoni tagħna u s-settur tagħna. Allura ngħaqadna flimkien, ħloqna dan ir-rapport, li se jiġi formalment ippreżentat lill-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Ottubru.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-ATTO, Joseph Bugeja
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonett spjega li laqgħat bħal dawn huma importanti, minħabba l-fatt li jagħtu ċans lil assoċjazzjonijiet differenti biex jikkomunikaw mal-Gvern ħalli joffru servizz aqwa lil dawk involuti.
Il-Ministru tenna li, wara li ttieħdet azzjoni fuq il-kontejners u t-trailers fin-naħa ta’ Kordin, ħabbar li se jkompli jittieħdu azzjonijiet fuq naħat oħrajn madwar il-pajjiż.
Iżda mhux biss.
“Is-servizz li jagħtu dawn il-kontejners u t-trailers jibqa’ jingħata b’mod effettiv. Għax dawn iġorru l-ħwejjeġ, l-ikel u l-merkanzija li tant għandna bżonn fil-ħajja ta’ kuljum għalina. Irrid insellem ukoll il-burdnara, li tant li jagħmlu xogħol biex jgħaddu mill-vapuri għal fuq it-trailers. Katina li trid taħdem bilfors id f’id u l-Gvern qiegħed hemm biex jara li din il-katina taħdem sew, però dejjem bil-kumdità u bir-rispett tal-poplu tagħna.”
Il-Ministru Chris Bonett