Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, ma tax raġun lill-ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, b’rabta ma’ ilment li għamel dwar stqarrija tal-Kabinett.
Fil-fatt il-Kummissarju ma ra ebda bażi biex titkompla investigazzjoni ulterjuri b’rabta mal-istess ilment minn Cassar, li allega li tali stqarrija kienet tinkludi lingwaġġ partiġġjan.
F’din l-istqarrija ppubblikata mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, ġie nnotat kif l-Oppożizzjoni dejjem għamlet minn kollox biex tipprova tkisser lill-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne, b’mod partikolari minn meta tħabbar li hu kien se jiġi nnominat għal Kummissarju Ewropew.
Dan fid-dawl tal-fatt, li Mr Fearne kien fil-mira ta’ attakki u tfigħ ta’ tajn, li proprju, kif intqal fil-Qorti, kienu kkordinati biss biex ikissruh politikament.
Din ma kinitx l-ewwel darba li Cassar ressaq ilment simili, bil-għan li jattakka lill-Gvern Laburista. Bl-esponent ewlieni tal-establishment Nazzjonalista, li wkoll ikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-PN bla suċċess, ma jingħatax raġun f’diversi okkażjonijiet.