Sakemm ħareġ l-eżitu tal-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ Stephen Mangion, li miet fl-Emerġenza fl-aħħar tax-xahar li għadda, kien hemm bosta allegazzjonijiet u akkużi mingħajr bażi, li saru minn esponenti tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Dan sar mill-ewwel wara li tħabbret il-mewt ta’ Mangion, bil-Partit Nazzjonalista jagħmel saħansitra konferenza tal-aħbarijiet, li ġiet indirizzata mid-Deputati Adrian Delia u Ian Vassallo Hagi.
Mingħajr ma kienu għadhom ħarġu l-fatti kollha, l-eks Kap Nazzjonalista spara affarijiet, li ma kinux minnhom, inkluż meta qal li Mangion tħalla jistenna għal sigħat twal.
Iżda l-inkjesta maġisterjali sabet kompletament mod ieħor.
Delia kien qal hekk:
“Minkejja li dan suppost ingħatal-għajnuna minnufih, minkejja li suppost ġie ttrattat b’emerġenza, dan tħalla jistenna għal sigħat, bil-konsegwenza traġika li tilef ħajtu.”
Adrian Delia
Anke jekk il-fatti juru mod ieħor, Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ma jużax is-settur tas-saħħa għal skopijiet partiġġjani.
“Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem qal li s-settur tas-saħħa mhuwiex ballun politiku.”
Adrian Delia
Fil-verità, kif anke qalet il-familja tal-istess Stephen Mangion dakinhar li tilef ħajtu, il-Partit Nazzjonalista rikeb anke fuq akkużi foloz, b’kundanna anke mill-inkjesta, li saret mill-Maġistrat Joe Mifsud.
Minbarra hekk, l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li rrikorra għal fuq il-midja soċjali, saħansitra ddikjara li “issa qed toqtluna, għax ma jimportakomx”, waqt li indika li Mangion kien inqatel mill-Gvern li hu kattiv.
Dan minbarra li profil falz fuq il-midja soċjali, taħt l-isem ta’ ‘Manuel Debono’, li issa jinsab taħt investigazzjoni tal-Pulizija, allega fatti li kienu skorretti.
Wara li ħareġ l-eżitu tal-inkjesta maġisterjali, li sabet li l-ebda ħaddiem tas-saħħa ma naqas minn dmirijietu, kienu bosta minnhom, inkluż tobba u infermieri, li esprimew l-għadab b’rabta ma’ dawn l-attakki pubbliċi fuqhom.
Fost dawk li rreaġixxew kien hemm it-Tabib Luke Zammit, li jaħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Stqarr li, għalih u l-kollegi li jaħdmu fid-dipartiment, ma kienx faċli jaqraw dak li beda jinkiteb u jintqal fuqhom.
Hu qal li għażel li jibqa’ kwiet b’rispett lejn il-qraba, għax ma kienx jaf il-fatti kollha, iżda nsista li, wara li ġiet ippubblikata l-inkjesta, dawk li tkellmu dakinhar, ma tkellmux issa.
It-Tabib tal-Emerġenza għamilha ċara li huma għodda jridu u mhux għedewwa u waqt li sostna li xogħolhom jaf ikun kattiv fin-natura tiegħu, insista li ma kienx ħaqqhom aktar kattiverja.
Infermiera, li wkoll taħdem fl-Isptar Mater Dei, sostniet kif il-ħaddiema tas-saħħa ġew ittrattati ħażin minn dawk li qabdu u vvintaw fuqhom. Hi sostniet li dawk li kkummentaw kmieni, issa għandhom jitolbu apoloġija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, it-Tlieta, il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela sostna li dan l-aġir huwa bla ġieħ u min rikeb fuq dan l-aġir għandu jerfa’ r-responsabbiltà.
Mistoqsi minn ONE News, il-Ministru Abela qal li l-Gvern hu mal-ħaddiema tas-saħħa.
“Jien ngħidilhom li aħna magħkom, il-Gvern magħkom. Jiena nispera, nawgura li ma jinqala’ l-ebda ras kbira oħra, li tiddeċiedi li biex tirbaħ il-punti u nwaħħlulha xi midalja, jiġih f’rasu li jattakka lil dawn in-nies.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela