Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li ġiet approvata policy li permezz tagħha ġew deċiżi linji gwida ġodda u li ser ikunu qegħdin jippermettu lill-istess awtorità tevalwa u tiddeċiedi applikazzjonijiet ta’ żvilupp għall-faċilitajiet ta’ kremazzjoni indipendenti.
Il-kremazzjoni hija proċess li ssir fuq persuni li jiġu nieqsa, fejn dan iseħħ billi tintuża sħana qawwija biex il-fdalijiet ta’ persuna jsiru rmied u l-proċess jieħu madwar sagħtejn.
Sal-lum il-ġurnata ġewwa pajjiżna l-proċess ta’ krematorju u metodi funebri bħal dawn iridu jseħħu barra minn xtutna u dan jinvolvi spejjeż kbar għall-familji nvoluti.
Il-policy approvata tispeċifika li krematorju li mhux ser jifforma parti minn ċimiterju eżistenti jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk ikun barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) iżda sa kilometru mill-konfini taż-Żona Urbana Prinċipali (PUA) għal Malta, filwaqt li f’Għawdex, krematorju għandu jkun lokalizzat madwar iż-żona tar-Rabat jew tax-Xewkija.
Il-proposti kollha għal krematorji waħedhom jeħtieġu l-appoġġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. F’din il-policy ġew identifikati ukoll siti diversi fejn krematorji waħedhom proposti mhux ser ikunu permessi.
Kull krematorju għandu jkollu l-parti ta’ quddiemu b’kejl superfiċjali ta’ mhux aktar minn 500 metru kwadru, maħsuba għall-ipparkjar tal-vetturi tal-mejtin u vetturi ċerimonjali filwaqt li dawn għandhom ikunu mgħammra bl-aqwa sistemi disponibbli ta’ teknoloġija, ta’ filtrazzjoni u tnaqqis ta’ tniġġis.
Il-bini tal-faċilitajiet fuq ġewwa ma jistax jaqbeż spazju ta’ 500 metru kwadru u għoli ftit inqas minn 8 metri. L-ispazju ta’ barra magħżul għat-tifrix tal-irmied irid ikun akkumpanjat minn ġnien bħala tifkira.
F’każ ta’ waqfien tal-użu tal-krematorju għal perjodu kontinwu ta’ tliet snin, il-bini u l-istrutturi kollha għandhom jitwaqqgħu u jitneħħew bi spejjeż ta’ sid l-art/operatur, u s-sit kollu għandu jiġi rijabilitat għall-istat oriġinali tiegħu.
Il-policy il-ġdida approvata għall-krematorji tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit elettroniku www.pa.org.mt.