Il-familja tal-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder appellat lill-pubbliku biex kull min għandu xi informazzjoni dwar l-aħħar jiem tiegħu qabel instab mejjet, jista’ jersaq ’il quddiem u jikkuntattjahom.
Il-mara ta’ ħu Karl Gouder, Maxine Gouder, irrikorriet għal Facebook fejn talbet lill-pubbliku inġenerali f’każ li xi ħadd jista’ jitfa’ aktar dawl dwar il-mewt tal-eks Deputat Nazzjonalista.
L-aħbar tal-mewt ta’ Karl Gouder, deskritt bħala bniedem ġust u ġentlom, ħasdet lil ħafna, speċjalment fil-kamp politiku. Hu miet fl-għomor ta’ ħamsa u erbgħin sena.
Gouder, li kien jokkupa l-kariga ta’ Kap Uffiċjal tal-Operazzjonijiet tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar jiem ikkonferma l-ħsieb li jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, wara li spiċċa Michael Piccinino.
Fil-passat Gouder serva bħala Sindku ta’ San Ġiljan, waqt li bejn l-2010 u l-2013 u l-2016 u l-2022 kien Membru Parlamentari.
Sadanittant, iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, Jeffrey Pullicino Orlando, kien ikkwotat jgħid mill-MaltaToday li hu għamel rapport mal-Pulizija dwar theddid li qal li sar fuq Gouder, għalkemm qal li m’għandux provi dwar dan.
Skont Pullicino Orlando, dan l-attakk sar minħabba d-deċiżjoni li ħa biex jikkandida ruħu għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.