Norma Saliba, li qed tikkontesta l-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, spjegat it-tliet prijoritajiet, li se tkun qed taħdem fuqhom jekk tingħata l-fiduċja mid-delegati tal-Partit.
Fuq nett tal-aġenda tagħha, Saliba qalet li se jkun hemm it-tisħiħ tal-istrutturi interni tal-Partit fejn sostniet il-ħtieġa li, id f’id mal-kumitati lokali u distrettwali, se taħdem biex dan jerġa’ jressaq lejh persuni li tbegħdu minnu.
Kompliet tgħid li se taħdem ukoll biex fil-Partit jintlaħaq bilanċ bejn nies ta’ esperjenza u uċuh ġodda, xi ħaġa li tixtieq li anke tkun riflessa fuq bażi ta’ kumitati lokali.
Żiedet li, jekk tingħata l-fiduċja, se tevalwa jekk il-kumitati għandhomx jiġu riveduti b’tali mod li d-daqs tagħhom ikun ukoll proporzjonat mad-daqs tal-lokalità ħalli b’hekk il ħidma tagħhom tkun aktar effettiva.
Qalet li r-rwol tad-delegati m’għandux ikun limitat għall-ġbir ta’ flus u t-tqassim tat-tesseri, iżda għandu jkollhom sehem aktar attiv fil-ħidma tal-Partit, inkluż fit-tfassil tal politika tiegħu.
“Jiena nemmen li tant hemm kontribut mingħand id-delegati f’dan ir-rigward li dawn għandu jkollhom proposti, li jitressqu quddiem il-Gvern għall-kunsiderazzjoni. Għax nara lill-PL bħala l-vuċi kritika tal-Gvern. L-għan hu l-istess taż-żewġ entitajiet, però l-PL għandu jkun il-vuċi kritika tal-Gvern li jara li l proposti tal-manifest elettorali jitwettqu.”
Saliba sosniet ukoll li jeħtieġ strateġija ta’ komunikazzjoni aktar ippjanata billi l-Partit juża mezzi differenti biex jilħaq udjenzi varji, filwaqt li wegħdet li se żżomm kuntatt kontinwu man-nies biex dejjem tkun il-vuċi tagħhom fil-Partit.