Il-Kabinett Malti approva l-pubblikazzjoni ta’ konsultazzjoni dwar politika nazzjonali, li se twassal biex ikun hemm proċedura stabbilita u legali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riċerkaturi tas-sigurtà, magħrufa aħjar bħala ethical hackers.
Din id-direttiva se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika mill-11 ta’ Settembru sas-7 ta’ Ottubru li ġej.
L-ethical hackers huma individwi jew kumpaniji li jidħlu f’sistemi tal-ICT biex jipprovdu soluzzjonijiet u jsaħħu s-cybersecurity tas-sistema.
Fil-fatt f’din il-policy qed ikun propost biex is-sidien u maniġers ta’ sistemi tal-ICT ikollhom policy fuq coordinated vulnerability disclosure. Filwaqt li l-maġġoranza tal-kumpaniji se jkollhom il-qafas biex jagħmlu dan b’mod volontarju, entitajiet essenzjali u importanti għall-infrastruttura kritika se jagħmlu dan skont l-obbligi tagħhom f’direttivi Ewropej.
Id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Infrastruttura Kritiku se jkun qed iżomm reġistru tal-istess policy tal-organizzazzjonijiet. Hu biss hawnhekk li r-riċerkaturi tas-sigurtà, b’għan tajjeb, jistgħu jagħmlu r-riċerka tagħhom fuq organizzazzjoni u joffru s-soluzzjonijiet tagħhom.
Din id-direttiva qed titmexxa b’mod konġunt mill-Awtorità Maltija għall-Innovazjoni Diġitali u d-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika.
Sadanittant, ma’ ONE News, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, sostna li din il-policy se tkun qed twassal għal titjib sinifikanti fis-sistemi tas-cybersecurity, fejn l-ethical hackers ikollhom qafas ċar u regolamentat, li minnu jistgħu joperaw b’mod legali u trasparenti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li, f’soċjetà li kontinwament tinbidel speċjalment fit-teknoloġija, dan il-Gvern se jibqa’ jindirizza r-realtajiet u jwettaq ir-riformi meħtieġa.