L-organizzazjoni voluntiera, MaltMUN, ippreżentat il-konlużjonijiet tal-Konferenza Annwali ta’ din is-sena waqt laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Kummerċ, Ian Borg fil-Parlament, il-Belt Valletta.
MaltMUN huwa organizzazzjoni li tkattar l-eċċellenza fost iż-żgħażagħ, filwaqt li tħejjihom biex jipparteċipaw f’konferenzi mudelli tan-Nazzjonijiet Maqgħuda f’Malta u f’pajjiżi oħrajn.
Il-konferenza bit-tema “Global Reserve: Charting a Path to Stability”, ġabret flimkien madwar 70 delegat żgħażagħ minn Malta u diversi pajjiċi oħra, wieħed mill-akbar ammonti ta’ parteċipanti minn mindu dan l-avveniment sar għall-ewwel darba fl-2015.
Waqt il-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-MaltMUN ippreżentaw l-erba’ soluzzjonijiet adottati mill-Konferenza, fosthom riżoluzzjoni dwar l-impatt tal-gwerra Russa fl-Ukrajna fuq l-edukazzjoni tat-tfal, dwar miżuri ġodda biex iħarsu r-rotot tal-kummerċ marittimu mill-konsegwenzi tal-piraterija u theddid ieħor relatat, riżoluzzjoni li titlob it-tisħiħ tal-missjonijiet tal-OSCE fl-Asja Ċentrali u fl-aħħar, dik li tappella għal aktar umanitarja lin-nies fil-Mjanmar.
Il-Ministru Ian Borg, stqarr li ż-żgħażagħ mhux biss il-mexxejja ta’ għada iżda wkoll iċ-ċavetta biex jissolvu l-kwistjonijiet kontemporanji.
Saħaq fuq l-isforzi kontinwi ta’ Malta biex timpenja liż-żgħażagħ fix-xena internazzjonali u l-inklużjoni tagħhom fid-djalogu dwar l-isfidi globali attwali hija essenzjali biex jiksbu l-paċi dejjiema u sostennibli.
Tenna billi jgħid iż-żgħażagħ huma l-pijunieri tal-paċi, is-sostennibiltà u s-sigurtà.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MaltMUN, Michael Gatt qal li din il-konferenza uriet il-kreattività u l-kapaċità fit-tmexxija, kemm fl-organizzazzjoni kif ukoll fil-parteċipazzjoni tagħhom.