Il-Pulizija arrestat ir-raġel li allegatament għamel theddida mad-dar tal-familja tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli.
Jirriżulta li ż-żagħżugħ, bl-isem ta’ Travis Xuereb ta’ 30 sena, ġie arrestat minn daru stess f’Santa Venera t-Tnejn waranofsinhar, skont rapport fil-ġurnal In-Nazzjon. Hu attwalment qed jinżamm taħt arrest fl-Isptar Monte Carmeli, skont TVM.
Aktar kmieni din is-sena, il-Pulizija ressqet lil Xuereb il-Qorti mixli li wettaq fastidju fuq mara, wara li għamel kuntatt magħha permezz tal-mezzi soċjali, beda jsus warajha, waqt li wkoll ħallilha bosta rigali quddiem ir-residenza tagħha f’Ħal Balzan.
Sorsi, li tkellmu ma’ TVM, ukoll sostnew li Xuereb kien jiffastidja lil diversi personalitajiet fil-qasam tat-televiżjoni.
Il-każ dwar il-familja Dalli seħħ fil-31 ta’ Lulju u, minn filmati mill-kameras tas-CCTV tar-residenza personali tal-Kummissarju Ewropew, ir-raġel jidher ipoġġi vażett bil-pjanta tal-ħaxixa, flimkien ma’ nota li tgħid “Darb’oħra nkun ippreparat b’xi ħaġa għat-tfal”. Tidher ukoll il-vettura tiegħu.