Fil-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, li tfakkar it-Tlieta, tnieda kalendarju ta’ attivitajiet mifruxin fuq xahar bit-tema ‘Your Health Matters’, bil-għan li jqajmu iżjed għarfien dwar is-saħħa mentali.
Għall-okkażjoni, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono enfasizzat il-bżonn ta’ għarfien dwar is-saħħa mentali u s-suwiċidji, li għandhom jiġu diskussi bla kantunieri.
Fakkret li l-mard mentali, bħal kull mard ieħor, jirrikjedi kura speċifika u jekk dan ma jseħħx, jista’ jwassal għall-mewt.
Waqt li rreferiet għas-servizzi, li huma diġà offruti, fosthom in-numru tat-telefown 1579, il-President spjegat il-bżonn li jitkompla jinħoloq ambjent aktar miftuħ għall-persuni li jħossuhom vulnerabbli u waħedhom.
Il-President stqarret li l-problema tas-suwiċidji qed tikber hekk kif hi saħqet li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, ukoll qed timmira li tnaqqas tali mwiet bi 33% sal-2030.
Kompliet li l-prevenzjoni hi possibbli biss jekk ikun hemm sforz bejn l-awtoritajiet u l-pubbliku inġenerali minħabba l-fatt li l-kuxjenza trid tinbet mill-valuri ta’ rispett li hemm bżonn jitqassam mal-poplu.
L-attivitajiet ‘Your Health Matters’ huma organizzati mid-Dipartiment għas-Servizzi u l-Anzjanità Attiva u jifformaw parti minn Kampanja Nazzjonali għall-Għarfien dwar is-Saħħa Mentali.