Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech hu kontra l-capping ta’ ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi terzi anke jekk, imbagħad, juża s-suġġett tal-ħaddiema barranin għal skopijiet politiċi.
F’intervista mal-Lovin’ Malta, Grech ġie mistoqsi b’mod ċar dwar il-capping ta’ ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri li jkun hemm numru stipulat kemm tista’ ddaħħal ħaddiema barranin f’settur.
Hu ħareġ kontra din il-proposta.
Ġurnalist: “Taħseb li għandu jkun hemm xi tip ta’ capping fuq TCNs li jiġu jaħdmu f’pajjiżna?”
Grech “Naħseb din mhux kwistjoni ta’ capping.”
Il-proposta tal-capping ta’ ħaddiema barranin ħarġet ukoll mill-Kamra tal-Kummerċ, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jattakka din il-proposta u skontu din artifiċjali.
“Ma naħsibx li hi kwistjoni li għandek bilfors tieħu ħsiebha b’mod artifiċjali b’dan il-mod.”
Dwar il-ħaddiema barranin ġejjin minn pajjiżi terzi, il-Gvern għandu prinċipju wieħed – kontroll sħiħ f’idejn l-awtoritajiet li jaraw li jidħlu biss ħaddiema minn pajjiżi terzi f’setturi meħtieġa.
Fil-fatt f’setturi bħal tal-Y-Plates u l-food couriers, il-Gvern ra li hawn biżżejjed ħaddiema, wara analiżi tas-setturi tax-xogħol li saret minn Jobs+, u kien ċar billi saħaq li aktar ħaddiema barranin li jinġiebu minn pajjiżi terzi, mhux se jkunu permessi.
Fil-fatt kull applikazzjoni oħra li ddaħħlet minn employers għal ħaddiema minn pajjiżi terzi biex jaħdmu fis-setturi msemmija, ġiet irrifjutata. Dan minbarra li riforma ewlenija, li ddaħħlet favur aktar regolar u liċenzji, kienet dik tat-temping agencies.
Dan biex ikollhom aktar standards konformi ma’ qafas leġiżlattiv.