Wara t-telfa diżappuntanti ta’ 2-0 kontra l-Moldova, it-tim nazzjonali Malti wettaq reazzjoni mill-aqwa, qam għall-okkażjoni u b’wirja ferm pożittiva, f’partita minn Grupp D2 ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Nations League, għeleb lill-Andorra bl-iskor minimu ta’ 1-0, bl-iskor iżda li seta’ kien ikbar għall-Maltin li kieku ma kinux għall-bravuri tal-goalkeeper ta’ Andorra, Iker Alvarez, li salva goals ċerti speċjalment fl-ewwel taqsima.
Kien biss fid-19-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita bil-Maltin ikunu huma li joħolqu l-periklu meta minn freekick qasir ta’ Teddy Teuma, huwa għadda tajjeb lejn Joseph Essien Mbong li venven xutt mid-distanza li ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Alvarez.
Il-Maltin komplew jippressaw u inqas minn minuta wara Carlo Zammit Lonardelli kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta toħroġ l-aħjar ta’ Alvarez li dawwar f’corner b’mod providenżjali u spettakolari.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Maltin u fis-27 minuta, Ryan Camenzuli, kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu minn pożizzjoni ideali li rriżulta bħala fraġli u ntemm barra.
U proprju qabel tmiem l-ewwel taqsima Malta fetħet l-iskor meta RYAN CAMENZULI daħal bħal vleġġa u fajjar xutt mill-ewwel minn ġol-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Alvarez.
Andorra ħarġu ferm aggressivi fil-ftuħ tat-tieni taqsima u resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs meta fit-52 minuta Albert Rosas approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża Maltija, avvanza tajjeb fil-kaxxa, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Malti Henry Bonello iżda ra t-tentattiv tiegħu salvat b’siequ minn dan tal-aħħar.
Huma komplew fuq l-offensiva u kienu għoddhom ġabu l-iskor indaqs fil-65 minuta, meta minn azzjoni maħduma bizzilla, is-sostitut Jordi Alaez li kien ilu biss ftit sekondi fil-ground kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu minn tarf il-kaxxa jintemm ftit barra.
Il-Maltin irrispondew fis-70 minuta meta Kemar Reid indirizza cross pinġut fid-direzzjoni ta’ Kyrian Nwoko li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit barra.
Andorra reġgħu resqu viċin li jsibu l-goal tad-draw żewġ minuti wara meta s-sostitut Ricard Fernandez kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat bi bravura minn mal-art minn Bonello.
Malta kompliet tamministra l-vantaġġ minimu li kellha sa tmiem il-partita.
Referee: Mohammed Al-Hakim (Żvezja)
Ritratt: Andre Farrugia