Ftehim bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti, l-ISA, se jissarraf f’investiment dirett fl-istudent ta’ kważi €27 miljun. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, wara li kien hemm qbil fil-Kabinett it-Tlieta filgħodu.
Ingħad li l-għan ta’ dan il-ftehim se jassigura stabbilità fis-settur, hekk kif ftit xhur ilu, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti kienet għamlet kuntatt mal-Gvern biex tesprimi t-tħassib tagħha dwar iż-żieda sinifikanti u abnormali fil-miżati li l-ġenituri, li għandhom it-tfal fl-iskejjel indipendenti kienu se jibdew iħabbtu wiċċhom magħhom mill-bidu tas-sena skolastika li ġejja.
Din iż-żieda fil-miżati hi attribwita għall-aġġustamenti riċenti fis-salarji taħt il-ftehim settorjali nnegozjat mal-MUT, li jkopri lill-edukaturi tas-Settur Pubbliku.
Permezz tal-ftehim il-ġdid, il-Gvern issa se jagħti din l-għajnuna sinifikanti lill-iskejjel indipendenti biex jiġi assigurat li l-ġenituri inkwistjoni ma jħabbtux wiċċhom ma’ żieda qawwija fil-mizati tagħhom.
Il-ftehim ikopri l-allowance ta’ darba, li ngħatat fil-ftehim settorjali ta’ €1,000 lil kull edukatur u anke l-allowance ta’ €1,000 li ngħatat lill-edukaturi fil-Primarja. Ikopri wkoll l-arretrati kollha dovuti permezz tal-ftehim settorjali lill-edukaturi, b’lura minn Jannar tas-sena l-oħra, waqt li se jkun hemm ukoll żieda sostanzjali per capita tal-iskejjel indipendenti fuq ħames snin.
Dwar dan il-ftehim tkellimna ma’ membru mill-assoċjazzjoni ISA.
“Hi assistenza kbira, li b’hekk se tagħti sens ta’ parità lill-edukaturi fis-settur tagħna. Mhux se ttaqqal lill-ġenituri tal-istudenti tagħna għax ovvjament mingħajr din l-assistenza kien ħa jkun hemm qabża enormi fil-mizati tal-ġenituri, li jħallsu l-ġenituri fl-iskejjel tagħna.”
Sue Midolo – Membru tal-ISA
Il-Ministru Grima qal li b’dan il-ftehim, il-Gvern qed juri bil-fatti li rridu l-aqwa ambjent edukattiv għal ulied dan il-pajjiż.
“F’dan il-każ hemm aktar minn 8,000 tifel u tifla li jattendu l-iskejjel indipendenti u riedna propju nassiguraw li l-ġenituri ta’ dawn it-tfal ma jaffaċċjawx ma wiċċhom kontijiet li għollew b’mod sproporzjonat, li jgħollew b’mod abnormali. L-ewwel previżjonijiet kienu li kull tifel ikollu kont miegħu ta’ €1,100 marbuta ma’ arretrati tal-edukaturi, kif ukoll żieda fil-mizati li jirċievu f’żieda ta’ 24%.”
Clifton Grima – Ministru