Dalgħodu, żewġ ħaddiema, li huma assenjati mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, allegatament spiċċaw intimidati u mheddin minn voluntier, li hu qrib is-Sindku temporanju ta’ Birkirkara, Desirei Grech, tant li spiċċaw jagħmlu rapport fl-Għassa tal-Pulizija fl-istess lokal.
Minn informazzjoni li għandu ONE, jirriżulta li l-voluntier daħal jgħin lill-Kunsill wara l-aħħar elezzjoni ta’ din is-sena.
Dwar dan il-każ, il-Kunsilliera Laburista Yana Debono Grech kitbet fuq il-midja soċjali, qalet kif diġà ntqal qabel, flimkien mal-kunsillieri Laburisti, huma jikkundannaw kull att ta’ intimidazzjoni u theddid fuq il-post tax-xogħol, għax kulħadd għandu jitħalla jaħdem fil-paċi.
Debono Grech ukoll irringrazzjat lill-Pulizija tal-assistenza tagħhom.