Kulħadd fil-ħajja tiegħu jiltaqa’ ma’ xi ntopp. Tibda tara d-dinja taqa’ fuqek. Bla ebda distinzjoni ta’ età. L-istress u l-ansjetà huma parti mill-ħajja ta’ kull individwu, għalkemm mhux kulħadd kapaċi jsib min jifhmu.
L-10 ta’ Settembru hu magħruf bħala l-jum għall-prevenzjoni mis-suwiċidji. Kull 40 sekonda, madwar id-dinja, xi ħadd itemm ħajtu b’idejh, jiġifieri ktar minn seba’ mija u ħamsa u għoxrin elf persuna itemmu ħajjithom kull sena.
Is-suwiċidju hu kapitlu ikrah fil-ħajja ta’ dak li jkun, kemm għal min iwettaq dan l-att kif ukoll għad-dulur li jħalli warajh lil qrabatu jew ħbieb.
Meta persuna tibda taħseb li mhemmx aktar tama f’ħajjitha, tħossha li falliet fis-sitwazzjoni u mdejqa, tasal anke biex taġixxi b’mod differenti. Ma tkunx trid li tara nies, tkun trid tibqa’ ġewwa mgħassda fl-inkwiet tagħha l-ħin kollu. Għalhekk hu wkoll importanti li persuni ma jiddejqux jistaqsu u jiċċekkjaw fuq min jafu li għaddej minn żmien ikrah.
Għal kull min iħossu għaddej minn xi diffikultà, il-linja 179 toffri servizz fejn l-individwu m’għandux għalxiex jiddejjaq jiftaħ qalbu, fl-istess waqt li jista’ jibqa’ anonimu mingħajr ma jaħsen li se jiġi ġġudikat.
Li tfittex l-għajnuna mhux tabù. Il-professjonisti li jwieġbu t-telefown fuq il-179 huma kollha professjonisti mħarrġin fil-qasam.
Svetlana Buttigieg, maniġer fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ, qaltilna kemm hu importanti li persuna tkun taf kif għandha taġixxi meta tkun għaddejja minn xi żmien ikrah kawża ta’ trawma fil-ħajja tagħha.
“Jiena nemmen li hu importanti ħafna u sa minn età żgħira tajjeb li nrawmu fit-tfal tagħna ċerti coping mechanisms, għax l-istress hu parti mill-ħajja. Disfatti ħa jkun hemm sa minn età żgħira kemm fl-iskola, aktar ma tikber, forsi relazzjonijiet, jew fuq ix-xogħol. Importanti ħafna li wieħed jagħraf jgħix ġurnata b’ġurnata u fejn iħossu li ma jistax ikampa għandu jistaqsi għall-għajnuna.”
Svetlana Buttigieg – Aġenzija Appoġġ
Permezz tal-linja 179, qatt m’inti waħdek. Buttigieg spjegatilna aktar dwar x’tip ta’ każi jidħlu fuq it-telefown tagħhom u li jiltaqgħu magħhom.
“Niltaqgħu ma’ diversi każi, imma jekk se nieħdu f’każ ta’ suwiċidju ikollna dawk il-persuni li jċemplu huma li jgħidulna li tilfu l-interess fil-ħajja, li qed iħossuhom li mhemmx tama u li l-affarijiet imorru għall-agħar. Ġieli kellna każi fejn qalulna li se jagħmlu xi ħaġa dak il-ħin biex ineħħu ħajjithom u hemmhekk aħna jkollna nintervjenu dak il-ħin stess. Ikollna ċirkostanzi oħrajn fejn li xi ħadd iċempel, għax ikun inkwetat fuq qraba jew ħbieb, xi kultant għax ikunu tkellmu magħhom, għax jibdew jaraw li s-saħħa mentali sejra lura u hemmhekk ikunu jixtiequ li aħna noffru l-għajnuna.”
Svetlana Buttigieg – Aġenzija Appoġġ
Jirriżulta li, fis-sena, isiru medja ta’ tlettax-il elf telefonata biex jużaw is-servizzi tal-professjonisti fuq il-linja 179.
Buttigieg għaddiet appell lil dak l-individwu li għaddej minn żmien ikrah f’ħajtu.
“L-appell tiegħi hu biex iċempel. Aħna qegħdin hawnhekk 24 siegħa kuljum. Għandna nies imħarrġin li jistgħu jagħtu l-għajnuna, li ħa jifmuh mingħajr ma jiġġudikaw lill-persuna minn xiex għaddejja, għalkemm forsi l-persuna bħalissa qed tara li s-sitwazzjoni ma tistax tissolva jew hi kbira wisq. L-appell tiegħu hu li l-għajnuna hi biss telefonata ’l bogħod, biex jagħmlu kuraġġ u jċemplu.”
Svetlana Buttigieg – Aġenzija Appoġġ