L-entità governattiva SportMalta ressqet ittra uffiċjali fil-Qorti kontra l-klabb tal-futbol ta’ Santa Luċija minħabba ksur tal-ftehim magħha għall-użu tal-faċilitajiet biswit il-grawnd, b’mod partikolari l-parkeġġ, li spiċċa mifqugħ bil-vetturi tal-kiri.
Il-kontroversja li tqajmet fl-aħħar jiem irriżultat minn kuntratt iffirmat bejn il-klabb u l-kumpanija Princess Holdings Limited, li tirrappreżenta lis-Sicily by Car f’pajjiżna.
Għall-kumpanija, li tikri l-karozzi, iffirma l-Avukat Peter Fenech, eks Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista u llum President tal-Kamra tal-Avukati.
L-avukat, magħruf għall-qrubija tiegħu mal-Partit Nazzjonalista u, b’mod partikolari, l-eks Kap Simon Busuttil bħala sħab fin-negozju flimkien, iffirma l-kuntratt għall-kiri tal-parkeġġ biswit il-grawnd ta’ Santa Luċija FC fl-aħħar ta’ Lulju li għadda.
Issa ONE News hu informat li avukata f’isem SportsMalta informat lill-Kunsill, permezz ta’ imejl it-Tnejn, fejn ingħad li tressqet ittra uffiċjali fil-Qorti, li għandha tiġi kkomunikata b’mod urġenti lil Santa Luċija FC.
Kompliet li jekk l-amministrazzjoni tal-klabb tibqa’ tonqos mill-obbligi tagħha, allura l-entità governattiva se teskala l-każ u jsir dak meħtieġ. PIC
Il-kuntratt kummerċjali, li l-klabb għamel mal-kumpanija Princess Holdings Limited, jikser ftehim ta’ leasing li kien sar ma’ SportMalta fl-inizjattiva tal-Gvern li jgħaddi artijiet lil assoċjazzjonijiet sportivi biex ikunu jistgħu jamministraw bl-aħjar mod il-faċilitajiet użati minnhom għall-ġid tal-atleti u l-komunità li joperaw fiha.
Minkejja dan, il-ftehim kummerċjali, li ffirma, fost l-oħrajn, Dr Peter Fenech, biex il-parkeġġ f’Dawret it-Torri jittieħed mill-vetturi tal-kiri, jikser il-kundizzjonijiet imposti f’dan il-ftehim, minħabba li ngħalaq l-aċċess għall-pubbliku bla approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.