Somalu ta’ 36 sena ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar tad-droga fil-Marsa.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li huwa ġie arrestat wara sorveljanza kontinwa.
Wara informazzjoni li f’residenza fi Triq Doublet allegatament kien qiegħed isir traffikar tad-droga, il-Pulizija bdiet sorveljar fuq din ir-residenza għall-movimenti suspettużi.
Ilbieraħ, il-Pulizija nnotat lir-raġel ħiereġ minn din ir-residenza u bdiet issegwih sakemm innotawh jagħti xi pakketti lil xi nies u jirċievi lura xi flus.
Imbagħad, is-Somalu twaqqaf fi Triq Azzopardi, waqt li kien fil-preżenza ta’ raġel ieħor. Saret tfittxija fuqu, fejn instab li kien fil-pussess tad-droga allegatament kannabis u flus kontanti.
Saret ukoll tfittxija fuq ir-raġel l-ieħor, fejn instab li kellu ammont ta’ droga suspettata kannabis li allegatament kien għadu kemm xtara mingħand is-Somalu. Huwa ġie arrestat u ttieħed l-għassa sabiex jassisti fl-investigazzjonijiet.
Waqt li anke s-Somalu ta’ 36 sena ġie arrestat, il-Pulizija komplew l-investigazzjoni tagħhom fir-residenza tas-Somalu, fejn tfittxija oħra wasslet għas-sejba ta’ ammont ta’ droga allegatament kokaina u kannabis, diversi oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga u ammont ta’ flus kontanti.
Bil-każ ġie nformat il-Maġistrat Anthony Agius Bonnici li ħatar inkjesta.
Is-Somalu qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tan-nofsiegħa quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.